Wednesday, July 24, 2024

Il-gradwati fil-livell terzjarju naqsu bi 2.2% fl-2022

Aqra wkoll

Fl-2022, gradwati fil-livell terzjarju kienu jammontaw għal 5,472, li jfisser tnaqqis taʼ 2.2 fil-mija fuq is-sena taʼ qabel.

Statistika maħruġa mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) turi li l-parti l-kbira tal-gradwati terzjarji kisbu kwalifika fil-livell ISCED 6 (Baċellerat jew ekwivalenti) (58.5 fil-mija). Warajhom, 33.1 fil-mija tal-gradwati terzjarji kollha kisbu kwalifika fil-livell ISCED 7 (Masters jew ekwivalenti).

Aktar minn nofs il-gradwati terzjarji (55.6 fil-mija) kienu nisa (Ċart nru 1, Tabella nru 1). In-nisa qabżu l-irġiel f’kull livell tal-edukazzjoni terzjarja ħlief fil-livell ISCED 8 (ekwivalenti għal PhD). Il-biċċa l-kbira tal-gradwati terzjarji kellhom bejn l-20 u d-29 sena (72.0 fil-mija).

Fl-2022, 74.4 fil-mija tal-gradwati kisbu kwalifika minn programm fuq bażi full-time. 

Il-gradwati barranin kienu jlaħħqu l-1,359, li jfissru 24.8 fil-mija tal-gradwati kollha fil-livell terzjarju, u b’hekk żdiedu b’10.6 punti perċentwali fuq is-sena ta’ qabel. Iċ-ċittadini tal-UE (minbarra l-Maltin) kienu jirrappreżentaw l-akbar proporzjon tal-gradwati terzjarji barranin kollha (57.8 fil-mija).

Il-qasam ta’ studju tan-‘Negozju, amministrazzjoni u liġi’ kien l-aktar wieħed popolari fost il-gradwati terzjarji fl-2022, fejn gradwati f’dan il-qasam kienu jkopru aktar minn terz tal-gradwati kollha (34.6 fil-mija). Warajhom kien hemm il-gradwati fis-‘Saħħa u l-benesseri’ bi 19.6 fil-mija. L-‘Agrikoltura, forestrija, sajd u veterinija’ kien il-qasam ta’ studju  bl-inqas għadd ta’ gradwati terzjarji, li ammontaw għal 0.3 fil-mija.

Ekonomija

Sport