Friday, December 20, 2024

Il-grupp MARA jlibbes libsa ġdida lil ‘X’Jimpurtani’ ta’ Philip Vella 

Aqra wkoll

Waqt is-serata tal-klassiċi, tat-tieni edizzjoni ta’ Mużika Mużika – Festival tal-Kanzunetta Maltija, wieħed mid-dwetti li kien fuq fomm kulħadd kien dak ta’ X’Jimpurtani bejn Philip Vella u l-grupp MARA. Il-ferħ, u l-enerġija pożittiva li kien hemm fuq il-palk dwiet mhux biss fis-sala, iżda anke fid-djar tan-nies, permezz ta’ xandira diretta fuq it-televiżjoni. Fuq il-midja soċjali, kien hemm diversi li kitbu biex xħin jgħaddi l-festival jippubblikaw il-verżjoni tagħhom u proprju llum, xahrejn wara, dawk il-messaġġi ma waqgħux fuq widnejn torox għax il-grupp MARA qiegħed jnediha. 

Il-kanzunetta X’Jimpurtani fuq lirika ta’ Mario Fenech Caruana, mużika u kant ta’ Philip Vella ġiet oriġinarjament ippubblikata mill-YTC bħala parti mill-album tal-20 edizzjoni tal-Għanja tal-Poplu, lura fl-1995. “27 sena wara, u nistqarr magħkom hija waħda mill-aktar kanzunetti li jitolbuni, anke il-barranin” jgħid il-kantawtur, li huwa wkoll il-moħħ wara l-kunċett tal-grupp MARA. 

Lura għas-serata tal-klassiċi, Philip jgħid li hu ma kienx jaf ma’ min ħa jkun qiegħed jiddwetta, allura tistgħu timmaġinaw kemm kien sorpriż meta membri mill-grupp MARA ċemplulu biex jgħidulu li hu kien ħa jkun qiegħed jkanta magħhom fit-tieni lejl tal-Festival. Però xi ħaġa li ma kienx sorpriż biha kien ir-rispons tan-nies – “kont naf li l-kanzunetta ħa tinżel għasel man-nies, iżda nemmen li kienet din l-interpretazzjoni li verament ħalliet impatt.” 

Fil-jiem ta’ wara t-tieni edizzjoni ta’ Mużika Mużika – Festival Kanzunetta Maltija, il-grupp MARA reġa’ lura fl-istudjo biex jaħdem fuq materjal oriġinali u kien hemmhekk li l-idea ħadet il-ħajja. Fi ftit sigħat il-kanzunetta ġiet mogħtija libsa ġdida u fil-ġimgħat li segwew ġie pjanat ir-rilaxx tal-kanzunetta: mid-disinn tal-qoxra għall-iskeda ta’ programmi li l-grupp ħa jkun qiegħed jżur biex jvara l-kanzunetta li żgur ħa tpoġġi tbissima fuq wiċċ is-semmiegħa. 

YouTube video
Ekonomija

Sport