Tuesday, April 30, 2024

“L-immigranti mhumiex sempliċiment fornituri tax-xogħol”

Il-MEP Alfred Sant

Aqra wkoll

Fir-reazzjoni tiegħu għall-proposta tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-immigrazzjoni legali waqt sessjoni tal-plenarja tal-Parlament Ewropew, l-eks Prim Ministru Alfred Sant enfasizza li l-immigranti m’għandhomx jitqiesu bħala sempliċiment fornituri tax-xogħol iżda saħaq li l-aspett uman u soċjali għandu jittieħed ukoll inkonsiderazzjoni meta l-immigranti jiċċaqilu minn pajjiż għall-ieħor.

Il-Kummissjoni Ewropea qed tipproponi inizjattivi legali, operattivi u politiċi li se jkunu ta’ benefiċċju għall-ekonomija tal-Unjoni Ewropea, isaħħu l-kooperazzjoni ma’ pajjiżi li mhux Stati Membri tal-Unjoni Ewropea u jtejbu l-ġestjoni ġenerali tal-immigrazzjoni fuq medda twila ta’ żmien. Barra minn hekk, il-proposti tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-politika tal-immigrazzjoni legali jinkludu azzjonijiet speċifiċi biex jiffaċilitaw l-integrazzjoni ta’ dawk li qed jaħarbu mill-invażjoni tar-Russja fuq l-Ukrajna fis-suq tax-xogħol tal-Unjoni Ewropea.

Filwaqt li rrikonoxxa li l-Kummissjoni Ewropea għamlet sforz realistiku fl-istadji bikrija tal-proposta, Sant irrimarka li l-proposta hija mibnija fuq suppożizzjonijiet mhux iddikjarati li jirrikjedu konsiderazzjoni aktar profonda. Huwa sejjaħ lill-Unjoni Ewropea biex tfassal qafas li fih tkun tista’ tiġi organizzata l-immigrazzjoni legali u appella lill-Kummissjoni Ewropea biex tikkunsidra l-valuri umani u soċjali tal-immigranti.

Il-MPE Laburista Sant stqarr li “iċ-ċaqliq tal-immigranti minn pajjiż għall-ieħor huwa ikkunsidrat l-aktar, forsi unikament, mill-perspettiva ekonomika tax-xogħol”. Madanakollu, huwa saħaq li apparti milli nħarsu lejn l-immigranti minn perspettiva ekonomika biss wieħed irid iżomm f’moħħu wkoll l-ekonomiji, is-soċjetajiet u l-familji li jirċievu l-immigranti. Sant saħaq li l-Kummissjoni Ewropea għandha tiżgura li l-politika Ewropea li qed tkun proposta dwar l-immigrazzjoni ma twassalx biex pajjiżi avvanzati jkunu iffinanzjati minn pajjiżi li għadhom qed jiżvillupaw fejn dawn iħarrġu professjonisti bħat-tobba u l-infermiera biss biex iservu ta’ provvista ta’ xogħol lill-ekonomiji avvanzati.

Sport