Il-lejl ta’ bejn il-31 ta’ Ottubru u l-1 ta’ Novembru huwa sinonimu mal-Halloween b’bosta tfal u mhux biss joħorġu fit-toroq lebsin ta’ maskerati u ta’ xjaten fost affarijiet oħra u jqassmu l-ħelu fost oħrajn.
Madankollu, l-Arċipriet il-ġdid taż-Żurrieq, Fr Daniel Cardona, li ilu biss xahar jokkupa din il-kariga u li xahar ieħor se jieħu l-pussess ta’ Arċipriet kellu ideat oħra f’moħħu u ddeċieda li jipprovdi alternattiva għal dan kollu, fejn ħeġġeġ lit-tfal jilbsu ta’ qaddisin fejn il-konkorrenza għal din l-attività kienet waħda sabiħa ħafna.
Dan is-sit għamel kuntatt ma’ Fr Daniel innifsu fejn tana iktar dettalji.Fi kliemu: “Prattikament, aħna xtaqna nikkreaw alternattiva sabiex it-tfal jiċċelebraw b’mod san, sabiħ u ferrieħi dan il-mument. Mhux se nidħol fil-kwistjoni tal-Halloween u l-mod kif jigi ċċelebrat minn diversi persuni oħrajn fosthom bil-maskerati u bl-ilbies tax-xjaten – dik inħalli f’idejn il-ġudizzju tal-ġenituri – però jien naħseb li għandna nindirizzaw it-tfal lejn kultura pożittiva u sabiħa u li tagħti l-ħajja mhux li tiċċelebra l-mewt.”
“Xtaqt nagħti alternattiva liż-Żrieraq biex it-tfal jiċċelebraw is-sabiħ tal-ħajja u l-qaddisin li huma ispirazzjoni fil-mixja tal-ħajja tagħna biex nippruvaw nimitawhom. Dan mingħajr ma nikkundannaw attivitajiet oħra li jsiru. Din kienet l-ewwel darba li din l-attività ġiet organizzata fiż-Żurrieq. Jien kont għamilt xi ħaġa simili meta kont Arċipriet f’Ħaż-Żebbuġ lura fl-2019”, temm jgħid Fr Daniel.