Tuesday, May 14, 2024

Titnieda l-kampanja tal-Piggy Bank b’risq L-Istrina

Aqra wkoll

Il-President George Vella nieda d-19-il edizzjoni tal-Istrina BOV Piggy Bank Campaign b’risq The Malta Community Chest Fund (MCCF). Preżenti għat-tnedija kien hemm is-Sinjura Miriam Vella, il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Clifton Grima, is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Edukazzjoni, Matthew Vella, u l-Kap Eżekuttiv tal-Bank of Valletta, Kenneth Farrugia. 

Il-President Vella qal li din il-kampanja qed trawwem fit-tfal sens kbir ta’ solidarjetà, għaqda u mħabba lejn l-ambjent. “Sa miċ-ċokon, qed ngħinu lit-tfal jirrealizzaw li l-flus li qed iġemmgħu fil-karus qed imorru għal min għandu bżonn. It-tieni messaġġ hu li b’din il-kampanja qed ningħaqdu, ma naffordjawx li jkollna soċjetà mhux magħquda,” qal il-President. 

Il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Clifton Grima, qal li huwa persważ li bħal snin oħra l-istudenti se jkunu ġenerużi bl-għotjiet tagħhom. “Din l-attività bħal snin oħra se tgħin l-ewwel nett biex jiddaħħal sens ta’ altruwiżmu u solidarjetà fost l-istudenti, imma wkoll il-ġest sabiħ tagħhom huwa għaqda għal għan nobbli li jinġabru fondi għall-Malta Community Chest Fund”, qal il-Ministru Grima. 

Kenneth Farrugia, Kap Eżekuttiv tal-BOV, qal li din il-kampanja hija għall-qalb il-bank għax trawwem fit-tfal sens ta’ altruwiżmu u solidarjetà ma’ min għaddej minn żmien diffiċli. Semma kif tul is-snin inġabru €2.6 miljun, fosthom rekord ta’ €60,800 fl-2021.

Sport