Aktar kmieni din il-ġimgħa, il-Gvern ippreżenta numru ta’ emendi leġiżlattivi li jemendaw liġijiet varji dwar ir-rikavat mill-kriminalità, bil-għan li joħolqu ġustizzja effettiva u proporzjonali.
Dwar is-suġġett tal-attachment, freezing u eventwali konfiska, tkellimna mal-Ministru għall-Ġustizzja Jonathan Attard li spjega kif ilhom isiru appelli biex wieħed iħares lejhom, tant li dawn kienu saħansitra deskritti bħala proċeduri drakonjani u li qed jirrovinaw il-familji ta’ ħafna nies.
“Naħseb ilkoll naqblu bħala punt ta’ tluq li l-ġustizzja kriminali hija u tibqa’ dejjem punittiva, però m’għandha tkun qatt oppressiva jew li toħloq inġustizzja hi stess,” qal il-Ministru Attard. “Għalhekk madwar sena ilu imbarkajna fuq eżerċizzju fejn mhux biss rajna s-sentenzi, l-komuniki u d-digrieti li waslulna mill-Qorti, imma wkoll rajna l-esperjenza taż-żewġ partijiet u ċioe l-istituzzjonijiet li qed jiġġieldu l-kriminalità u l-avukati li jiddefendu lill-imputati.”
Dan sar bil-parteċipazzjoni attiva tal-Kummissarju għall-liġijiet u bl-involviment tal-kumitat magħruf bħala NCC (National Coordinating Committee on Combating Money Laundering) li jiġbor fi ħdanu l-Ministeri tal-Finanzi u tal-Ġustizzja, iċ-chairpersons tal-ARB, MFSA, MGA u l-FIAU, il-Gvernatur tal-Bank Ċentrali ta’ Malta, l-Kummissarju tal-Pulizija u l-Avukat Ġenerali.
Għaldaqstant, tenna l-Ministru Attard, dan l-eżerċizzju serva wkoll biex l-entitajiet li huma responsabbli mill-ġlieda kontra r-reati finanzjarji jkollhom għodda leġiżlattiva aġġornata u aktar effettiva għad-dispożizzjoni tagħhom.
“Pass enormi fid-direzzjoni t-tajba” – L-Avukat Ezekiel Psaila
Dan is-sit tkellem ukoll mal-Avukat Ezekiel Psaila li fisser dan l-abbozz bħala pass enormi fid-direzzjoni it-tajba. Qal li “kien kuraġġuż, speċjalment meta mhux abbozz daqstant popolari. Sfortunatament il-kobba tkun ħafna aktar imħabbla minn sempliċi żewġ paragrafi li jinkitbu mill-istampa.”
Huwa spjega li f’kawżi ta’ reati finanzjarji, qabel dan l-abbozz, l-Avukat Ġenerali kellu diskrezzjoni totali, anki fuq il-Qorti li jħalli l-iffriżar fuq l-assi kollha tal-imputat, anke jekk ir-reat jikkonċerna, jew tinġieb prova biss ta’ ftit mijiet jew eluf.
Fil-każijiet kollha issa, speċjalment dawk ta’ portata akbar, issa, permezz ta’ dawn l-emendi, ol-prosekuzzjoni mill-bidu nett trid tiddikjara kemm hu l-ammont. Dan ser iforni kjarezza kemm lill-Qrati tagħna, li ħafna drabi fuq dan il-punt, jieħdu kritika inġusta għax l-ammont kontestat kien jibqa’ misteru anke sa wara jingħalqu l-provi, u kemm għad-difiża sabiex tipprepara l-każ tagħha f’inqas żmien.
“Il-Qrati Kostituzzjonali tagħna wkoll pronunzjaw rwieħom fuq dan, u għalhekk, dan kien pass naturali, iebes, imma neċessarju sabiex dak li ma sarx fis-snin passati, sa fl-aħħar sar, u jieqfu jbatu familjari tal-imputat inklużi minorenni, li kienu jgħixu kalvarju inġust huma wkoll minħabba liġi drakonjana.”
“Nispera issa biss, illi l-banek, il-polzi tal-assigurazzjoni u l-awtoritajiet kompetenti jinfurmaw ruħhom sew dwar dan l-abbozz, sabiex il-Qorti ma tintalabx tiddekreta dak li jkun ċar u manifest fil-liġi sabiex respnsabilità tintrefa biss mill-Qorti. Il-Liġi qiegħda hemm għal kulħadd, u kulħadd irid jaderixxi ruħu magħha mingħajr ma jinħoloq piż fuq il-Qorti sabiex ma titgħabbiex responsabilità.
“Huwa tajjeb ukoll li hemm il-kwalifika ta’ reati finanzjarji relatati mad-droga. Nemmen li fuq dan il-punt, filwaqt li xorta hemm familjari u persuni innoċenti li jbatu mal-akkużat, għandu jkun hemm diskussjoni matura li tikkwalifika aktar ‘il quddiem dawn l-emendi f’din il-materja,” tenna Dr Psaila.
L-abbozz ta’ liġi li jittratta varji liġijiet dwar ir-rikavat mill-kriminalità ser jikkonsisti minn diversi emendi leġiżlattivi, fosthom:
Ordni ta’ Sekwestru:
• Se jitnaqqas il-perjodu tal-validità tal-ordni ta’ sekwestru bin-nofs, biex issa se jkun hemm terminu wieħed ta’ 6 xhur.
• Se jkun ukoll possibbli li l-ordni ta’ sekwestru tkun varjata u jiġu rilaxxati flus għal għajxien diċenti.
• Se tkun introdotta emenda li tipprovdi li meta ordni ta’ sekwestru jaqa’ jew jiskadi jiġu notifikati mill-qorti s-sekwestratarji kollha awtomatikament u b’hekk is-sekwestratarji jkunu notifikati mill-Qorti li s-sekwestru ma jkunx għadu fis-seħħ.
Ordni ta’ Iffriżar:
• Prosekuzzjoni trid tiddikjara liema proprjetà jew kemm flus għandhom ikunu ffriżati u jekk ma jsirx dan mal-preżentata jew ċitazzjoni fi żmien 90 ġurnata jew b’estensjoni oħra b’talba lill-Qorti ta’ 90 ġurnata oħra, l-ordni ta’ ffriżar taqa’ fuq rikors tal-imputat;
• Se jkun hemm Dritt ta’ Appell quddiem il-Qorti Kriminali;
• L-ammont / proprjetà ffriżata tista’ tkun varjata fuq talba tal-prosekuzzjoni jew tal-imputat.
• L-imputat jista’ jitlob sa massimu ta’ dik li hija paga annwali medja (determinat mill-ministru minn żmien għal żmien) biex ikun jista’ jgħix ħajja diċenti.
• L-imputat jista’ jagħmel ukoll talba fil-Qorti biex jibqa’ għaddej bin-negozju, kummerċ u professjoni.
• It-talbiet għal spejjeż rikorrenti, bħal loans, insurance, school fees, etċ. jistgħu jsiru b’rikors wieħed.
Konfiska
• Il-Qorti Kriminali wara li tiddeċiedi dwar il-ħtija, trid tistabbilixxi wkoll il-valur/kwantum tar-rikavat mir-reat, u tidentifika l-proprjetà, assi jew flus li għandhom ikunu konfiskati.
• Id-dritt ta’ appell se jkun fuq is-sejbien tal-ħtija kif ukoll il-konfiska.
• Terzi persuni se jkollhom id-dritt joġġezzjonaw għall-konfiska ta’ proprjetà li fiha t-terzi jkollhom interess billi jippreżentaw kawża fil-Qorti Ċivili, Prim’Awla (Sezzjoni tal-Irkupru tal-Assi) fi żmien sitt xhur mindu ssir il-konfiska definittiva.