Sunday, December 22, 2024

Il-ġustizzja soċjali mħaddna tassew minn Gvern li jinvesti fin-nies

Aqra wkoll

Il-prinċipji tal-ġustizzja soċjali kontinwament inebbħu l-ħidma tal-Gvern favur soċjetà b’saħħitha, ġusta u ħanina. Tul dawn l-aħħar snin il-Gvern intensifika din il-ħidma bit-tnedija ta’ riformi u miżuri ġodda biex jissaħħah il-qafas soċjali tal-pajjiż u tonqos l-esklużjoni soċjali.

Fil-maġġoranza tagħhom dawn kienu immirati biex itejbu l-kwalità tal-ħajja ta’ anzjani u żgħażagħ, familji bit-tfal, pensjonanti u persuni vulnerabbli jew b’diżabilità.

“Dawn il-miżuri kienu sostnuti b’investiment soċjali li sal-2023 laħaq is-somma ta’ €1.3 biljun, żieda ta’ kważi nofs biljun ewro fuq in-nefqa tal-2013. Din hija xhieda ħajja ta’ ħidma favur il-ġustizzja soċjali, u għalhekk irid ikun hemm aktar ħidma sabiex inkomplu nilħqu dawk l-aktar vulnerabbli u li jistgħu jintilfu mis-sistema soċjali ta’ pajjiżna”, stqarr il-Ministru Michael Falzon, waqt intervent illi kellu fil-Parlament waqt Konferenza dwar il-ġustizzja soċjali.

Il-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal jinnota l-miżuri soċjali kollha li komplew jagħmlu differenza fil-ħajja tan-nies. Ewlenija fosthom iż-żieda fil-pensjonijiet. Żieda oħra qawwija kienet dovuta għal ħolqien ta’ benefiċċji ġodda, fosthom dawk tat-tapering u l-In-work Benefit. Ġie introdott benefiċċju ġdid biex jilqa’ għall-isfida tal-inflazzjoni bil-mekkaniżmu addizzjonali għall-għoli tal-ħajja.

Saru wkoll riformi u żidiet fl-għajnuniet għal Carers u għall-persuni b’diżabilità. L-ixprunar biex persuni fuq l-assistenza soċjali jidħlu fid-dinja tax-xogħol wassal biex l-għadd tagħhom naqas bi 12,000 u n-nefqa għal persuni b’dipendenza ta’ benefiċċji soċjali niżlet bi €39 miljun minn €74 miljun fl-2013.

Il-flus iffrankati kull sena ġew investiti mill-ġdid u magħhom miljuni ferm iżjed f’diversi miżuri soċjali. B’riżultat ta’ din il-ħidma ġie reġistrat tnaqqis kbir fir-rati ta’ ċaħda materjali u tnaqqis fir-rata ta’ riskju ta’ faqar jew esklużjoni soċjali, b’kejl li anki saħansitra kien aktar rigoruż.

Fit-twettiq tal-politika għal ħarsien soċjali l-Ministeru jfittex li jaħdem spalla ma’ spalla ma’ kull min għandu għal qalbu l-interess nazzjonali u dawk l-għaqdiet volontarji fis-soċjetà ċivili.

Xhieda ta’ dan l-impenn hija ż-żieda qawwija fl-għadd ta’ ftehimiet bi sħubija ma’ għaqdiet volontarji u l-ammont ta’ flus li ġew investiti għal dan il-għan. Il-ħidma tal-Ministeru tħares fit-tul favur soċjetà aktar b’saħħitha fil-futur u għal dan l-għan tħejjiet il-Viżjoni Soċjali għal Malta sal-2035.

Il-Ministru Michael Falzon fisser ukoll il-ħidma fuq strateġiji nazzjonali biex ikompli jiġu indirizzati sfidi soċjali fosthom anki favur trobbija pożittiva tat-tfal. Saħaq li minkejja l-ħafna ħidma li saret, il-Gvern jibqa’ sensittiv għal realtajiet soċjali u jagħraf li jżid ħidma favur iż-żgħir.

Ekonomija

Sport