Sunday, November 24, 2024

Il-Ġustizzja u d-Demokrazija

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-ġustizzja.  Karatteristika tal-ġustizzja hi li l-liġijiet japplikaw għal kulħadd.  Sfortunatament, illum aktar minn nofs il-poplu jħoss li l-liġi tapplika biss għalihom.  Il-liġi għall-oħrajn ma tgħoddx.  Nieħu eżempju żgħir.  Kellna numru ta’ każijiet fejn pulizija ġew aggrediti u kulħadd qabel li permezz tas-sistema tal-liġi għandhom iħallsu għall-għemilhom.   Biss imbagħad kellna filmat li xxandar mal-pajjiż kollu fejn xi ħadd rajnih jagħti  daqqa ta’ ponn lil-pulizija.  Dan, peress li hu ta’ ċerta għaqda li tidher ‘protetta’, ma smajna xejn dwaru.  La nafu jekk ittieħdux passi kontra tiegħu, la nafu jekk ġiex ikkundannat jew iddikjarat innoċenti – xejn, il-poplu ma sema’ xejn.  Ara l-oħrajn mhux biss isimhom ġie imxandar meta ġew mixlija bi vjolenza , iżda anki meta inqagħtet is-sentenza . Fuq dawn il-poplu kien infurmat u seta’ jara jekk il-ġustizzja hix qed taħdem.  Fuq l-ieħor kollox sparixxa minn quddiem għajnejn il-poplu.

Li semmejt każ żgħir għax hemm ħafna każi oħra li ma smajna xejn dwarhom.  Każijiet li swew il-miljuni lill-poplu.  Każijiet li smajna ħafna dwarhom u ma smajna xejn x’ġara.  Każijiet ta’ konkrit li mhux ta’ standard.  Artijiet tal-poplu li ma ġewx mibgħuha sew, xiri ta’ żejt u elf ħaġa oħra.  Il-poplu jrid ikun jaf x’ġara minnhom dawn il-każi.  X’investigazzjonijiet saru, saru investigazzjonijiet biex inkunu  ċerti li ma għaddewx l-ebda flus minn taħt?  Il-poplu qed jistenna risposti għal dawn l-affarijiet.  Il-poplu għandu dritt ikun jaf fuq dawn l-affarijiet ukoll.  Il-ġustizzja trid tidher ukoll.

Tajjeb li jsiru investigazzjonijiet serji fuq kull ħaġa biss mhux sew li llum qed isiru investigazzjonijiet fuq ċerti każi u l-oħrajn qed inħalluhom itiru mar-riħ.  

U meta ngħid investigazzjonijiet serji qed nifhem serji u mhux teatrini bħal ma qed isiru fejn kulħadd imur u jgħid xi ħaġa fuq dan u fuq l-ieħor mingħajr ma jintalab provi!  U hawn jidħlu l-ġurnalisti.  

Il-media ‘indipendenti’

Il-media hi fattur importanti fid-demokarazija.  Biss il-medja trid tkun serja.  U s-serjeta’ għalija hi li jien inkun ċar.  F’Malta hawn numru ta’ media li jsejħu lilhom infushom ‘indipendenti’.  Għalija ħadd ma hu indipendenti u r-raġuni hi li aħna ngħixu f’soċjeta’.  Ara li kieku jgħidu li l-gazzetta, ir-radju, il-website, it-television eċċ li għandhom mhumiex tal-ebda partit, hemm naqbel.  Imma biex ngħid li xi ħaġa minn dawn hi indipendenti ma nasalx.  L-ewwel ħaġa ikun tajjeb li dawn jgħidu b’mod apert u jiddikjaraw fil-media tagħhom min hu l-proprjetarju.  Ir-raġuni hi li hemm inkun naf x’inhuma l-interessi.  Li nkun naf l-interessi hi importanti għaliex hemm inkun naf ix-xaqliba li għandha din il-media.  

Fil-fatt personalment aktar inkun moħħi mistrieħ meta nisma’ xi ħaġa minn xi media ta’ xi partit għax hemm naf minn qabel ix-xaqliba li ser ikollha l-aħbar.  Imma fil-media l-oħra qatt ma nkun naf.

Kumment żgħir dwar il-ġurnalisti ta’ din il-media.  Kien ta’ diżappunt kbir meta waqt il-konferenzi li kienu jsiru dwar il-COVID-19, ħafna mill-ġurnalisti tal-media ‘indipendenti’ kienu jitkellmu bl-Ingliz.  Biċċiet minnhom kienu jidhru li ma jafux jesprimu ruħhom bil-Malti.  Min jgħid li l-Malti hu limitat, qed jgħid hekk għax ma jafx il-Malti.  Kull ma jrid hu li jaqra xi ktieb ta’ awtur tal-Malti bħal Frans Sammut biex ikun jaf il-qawwa tal-Malti.

Jien ma nistax nifhem kif persuna tista’ tosserva, tanalizza, u tikkumenta fuq soċjeta’ jekk lanqas biss taf il-lingwa ta’ dik is-soċjeta’.  U r-raġuni hi li l-lingwa ta’ soċjeta’ toħroġ magħha l-valuri, id-drawwiet u l-karatteristiċi importanti ta’ dik is-soċjeta’.  U jekk jien ma nafx il-karatteristiċi ta’ xi ħaġa, kif nista’ nitkellem u nikkumenta dwarha?  

Barra dan biex ikun hemm vera demokrazija, irid ikun hemm bilanċ fil-media indipendenti.  Din mhix xi ħaġa faċli għaliex jekk int tagħti ħarsa lejn il-media ta’ pajjiżi oħra dejjem għandek issib li l-media dejjem ixxaqleb lejn l-establishment ta’ dak il-pajjiż.  U hawn Malta mhix xi eċċezzjoni.  Il-problema ta’ Malta hi aktar ħarxa għax il-media ‘indipendenti’ kollha ixxaqleb lejn l-establishment konservattiv Malti.  

Il-poplu

Il-poplu suppost  hu l-aktar ħaġa importanti f’demokrazija.  Suppost li fost affarijiet oħra, il-liġijiet ikunu rifless tax-xewqat tal-poplu.  Biss illum jekk inħarsu madwarna naraw li dawn mhux  ġbija tal-ideat  tal-poplu Malti.  Illum, sirna li meta ser inkunu nfasslu xi liġi, inħarsu biex naraw xi jridu l-UE u llum fuq kollox il-Kummissjoni Venezia.  Jekk dawn ma jkunux kuntenti, allura niefqu.  Lanqas qatt ma konna hekk.  Lanqas meta konna kolonja għax għallanqas l-affarijiet interni konna nistgħu nfassluhom aħna.  Illum le,  illum l-ewwel l-approvazzjoni trid tiġi minn dawn iż-żewġ istituzzjonijiet barranin li huma ddominati minn numru żgħir ta’ pajjiżi li kienu imperjalisti u li dan il-valur għadu hemm.  Illum ragħjna m’għadux f’idejna.

Illum, il-poplu Malti ma jidher imkien!  Għal ħafna nies din m’għandhiex importanza. Iżda għal nies bħali li konna u għadna nemmnu li l-poplu Malti, bħal popli oħra indipendenti, għandu dritt jiddeċiedi hu  l-futur tiegħu, il-valuri tiegħu u kif għandu jgħix, illum inħossuna agħar mis-suwed fl-Amerka.  Qed insemmi lil dawn għax dawn bħalna, jinsabu jgħixu ġo pajjiż li jiftaħra bl-ugwaljanza u drittijiet taċ-ċittadini u mbagħad huma, għax għandhom ġilda aktar skura minn dawk tal-establishment  huma stmati agħar miż-żibel.  

Bħalissa hemm affarijiet oħra li jdejquni.  Nieħdu l-kostituzzjoni.  Hu tajjeb li jsir tibdil biex din tirrifletti s-soċjeta’ Maltija.  Nibdew mill-ewwel ħaġa, din qabel kienet il-liġi suprema f’Malta.  Illum saret bħal liġijiet l-oħra, soġġetta għax-xewqat, mhux tal-poplu Malti, iżda tal-UE u tal-Kummissjoni Venezia.  

Minkejja dan xorta nemmen li l-poplu Malti għandu jkollu importanza.  Nemmen li għallanqas din għandha tkun mera, imċajpra kemm imċajpra, tax-xewqat tal-poplu Malti.  U hu minħabba f’hekk li nemmen li jekk għandna nibdlu l-kostituzzjoni hu l-poplu direttament li għandu jiddeċiedi.  U meta qed nikteb hekk, ma jfissirx li l-poplu għandu jingħata pakkett sħiħ u jrid jagħżel jekk jieħdux jew le.  

Jien nemmen li biex nagħtu verament l-għażla lill-poplu, it-tibdil għandu jsir biċċa biċċa.  Dan nistgħu nagħmluh billi l-poplu fl-elezzjoni ġenerali għandu wkoll jiġi mitlub jagħti l-opinjoni  tiegħu fuq numru ta’ tibdiliet.  Hu b’hekk li verament il-poplu jkollu sehem żgħir kemm hu żgħir fit-tibdil ta’ pajjiżu u nistgħu ngħidu li għandna demokrazija.  

Sport