Sunday, December 22, 2024

“Il-Gvern b’ġustizzja ta l-warant kemm lil dawk tal-Università, kif ukoll lil tal-MCAST”

Id-direzzjoni hija dik li min jikkwalifika jingħata l-warrant

Aqra wkoll

Il-Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar, Stefan Zrinzo, filwaqt li enfasizza li l-ħidma tal-Gvern f’dan is-settur se tkun iffokata u marbuta mal-kwalità għolja ta’ kif u meta jsir l-iżvilupp ħalli bir-riżultati miksuba jgawdi kulħadd, ħareġ qawwi kontra kull xkiel li jista’ jkun hemm fejn jidħlu l-liċenzji (warrant) li jingħataw lill-istudenti li jistudjaw, jistinkaw u jikkwalifikaw bħala inġiniera. 

F’battibekk fid-direzzjoni tan-naħa opposta tal-Kamra, il-Ministru Zrinzo ddefenda d-dritt tal-istudenti li jikkwalifikaw għal-liċenzja fl-inġinerija, professjoni tant importanti fis-settur tal-kostruzzjoni u l-bini. “Il-Gvern irid jagħti statut aktar b’saħħtu lill-istudenti li jistinkaw u jistudjaw biex jingħataw il-warrant,” iddikjara l-Ministru Zrinzo.

Fl-intervent tiegħu fil-Parlament ilbieraħ fis-seduta tal-estimi tal-budget għall-Ministeru li jmexxi, il-Ministru Stefan Zrinzo għamel referenza għall-ħiliet li jkollhom in-nies li jaħdmu fis-settur tal-kostruzzjoni u l-bini għal direzzjoni lejn il-kwalità. Hawnhekk, huwa ma setax ma jsemmix il-kwistjoni kollha li nqalgħet dwar il-lista tal-inġiniera. “Mill-informazzjoni li għandi, din  hija kwistjoni purament amministrattiva. Kien hemm tentattiv biex l-istudenti tal-MCAST ma jingħatawx warrant ta’ inġiniera. Dan il-Gvern b’ġustizzja ta l-warant kemm lil dawk tal-Università, kif ukoll lil tal-MCAST,” insista l-Ministru Zrinzo. 

Hawn huwa staqsa jekk l-Oppożizzjoni hiex kontra li jagħtu l-warrant lil tal-MCAST “għax dak kollu li qiegħed jiġri, qiegħed jiġri fi tfixkil li jingħata dan il-warrant. Aħna determinati li nagħtu dak il-warrant lill-istudenti mill-bidla li saret minn dan il-parlament”.  F’punt minnhom, ma naqasx li n-naħa l-oħra tal-Kamra qomsot fejn Callus fuq din il-kwistjoni qal li ma semma’ xejn mentri dak li tkellem fuqu huwa, il-Ministru Zrinzo ma tkellem xejn. 

Il-Ministru Zrinzo qal li minflok ikun hemm logħob fuq il-listi, li jekk hemm bżonn fir-rigward isiru l-verifiċi kollha meħtieġa, huwa jrid jibqa’ jaħdem biex ikun hemm ġustizzja biex l-istudenti li jġibu l-marki kemm mill-Università, kif ukoll mill-MCAST, “ikollhom warrant. Dik hija d-direzzjoni”.

Miri ta’ sostenibbiltà b’ħarsien għall-ambjent

Barra dan il-punt importanti li l-Ministru Stefan Zrinzo ried jiċċara huwa tkellem fid-dettal fl-importanza tas-settur tal-kostruzzjoni u l-bini f’Malta u aktar minnhekk dwar il-miri importanti li jrid jilħaq il-Gvern fosthom dawk ta’ sostenibbiltà u ambjentali.

Huwa spjega li s-settur tal-kostruzzjoni u tal-proprjetà huwa settur li jiġi diskuss kontinwament u nsista li dan il-qasam dejjem kien meqjus bħala wieħed ewlenin f’pajjiżna. “Dan is-settur għandu bżonn ta’ evoluzzjoni u tiġdid li jridu jseħħu mhux biss bid-direzzjoni tal-Gvern imma wkoll b’parteċipazzjoni sħiħa ta’ dawk kollha involuti. B’mod ewlieni rridu nħarsu lejn din l-evoluzzjoni mhux biss biex nilħqu l-kwalità meħtieġa, imma li nilħqu l-miri ta’ sostenibbiltà tas-settur kemm mil-lat finanzjarju, kif ukoll minn dak ambjentali,” kompla l-Ministru Zrinzo.

Huwa qal li huwa evidenti li dan is-settur għandu kontribut importanti fil-proċess ta’ dekorbanizzazzjoni f’pajjiżna minħabba li jekk il-bini ma jkunx effiċjenti fl-użu tal-enerġija, huwa wieħed mill-akbar kontributuri fil-karbonju. Zrinzo insista li issa huwa l-mument li naraw kif se jkollna bini aktar effiċjenti fil-qasam ambjentali u fir-rigward il-Gvern mhux biss għaddej b’diskussjonijiet mal-istakeholders iżda hemm il-pjattaforma ESG li wkoll għaddejja b’sensiela ta’ diskussjonijiet li fihom qegħdin iħarsu lejn aspetti differenti ta’ kif jintlaħqu l-miri kemm finanzjarji, kif ukoll tal-użu tal-enerġija fil-proprjetà.

“SE NIBQGĦU NAĦDMU, NAGĦMLU DEĊIŻJONIJIET GĦAQLIN BIEX IS-SETTUR IKUN SOSTENIBBLI U FL-ISTESS ĦIN JILQA’ GĦALL-ĦTIĠIJIET TAN-NIES”

Stefan Zrinzo Azzopardi

Il-Ministru Zrinzo saħaq li l-Gvern qiegħed ikun responsabbli biex “inkomplu nfasslu t-triq ‘il quddiem” f’dan is-settur. Fost xogħol u kollaborazzjoni li qiegħed isir, huwa aċċenna għall-għajnuna mill-Awtorità tal-Kostruzzjoni u l-Bini li l-għan aħħari huwa li jissaħħaħ is-settur u fl-istess ħin jintlaħqu l-miri tal-Gvern. Barra minnhekk, “dan il-Gvern ħa d-deċiżjoni għaqlija li jkollu awtorità li tiffoka fuq il-ħidma tal-qasam tal-kostruzzjoni. Ħass, sema’ u ħoloq il-BCA li għandha rwol importanti fir-regolamentazzjoni ta’ kif isir ix-xogħol u biex ikun hemm effiċjenza fl-użu tal-enerġija”.

Huwa elenka tibdiliet importanti fis-settur li jinkludu l-liċenzjar tal-kuntratturi liema bidla hija importanti ferm ħalli tingħata aktar kwalità u garanzija ta’ kif isir ix-xogħol; dik li se jinsistu li jkun magħruf x’inhuma d-drittijiet ta’ min jixtri proprjetà għax dawn għandhom kull dritt għall-informazzjoni fuq l-investiment li se jħallsu tul ħajjithom; kif ukoll dik il-bidla permezz tal-Kodiċi tal-Bini (Building Code). 

“Qegħdin isiru l-affarijiet kif suppost”

Dan tal-aħħar jinsab fil-fażijiet aħħarija tiegħu u ladarba jkun konkluż il-proċess ta’ konsultazzjoni, il-Ministru Zrinzo qal li dan il-kodiċi se jkun ta’ gwida ta’ kwalità ta’ kif għandu jsir ix-xogħol. “Qegħdin isiru l-affarijiet kif suppost u dan allura huwa mezz ieħor biex inneħħu n-nuqqas ta’ professjonalità fil-qasam tal-bini,” qal konvint il-Ministru Zrinzo.

Fl-intervent estensiv u informattiv tiegħu, dan il-Ministru tkellem ukoll dwar id-disinn tal-bini l-ġdid fejn appella lill-periti u lill-iżviluppaturi biex ikunu responsabbli għal dak li jippreżentaw quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar. “Dan għax huwa fatt li kull disinn minn perit illum u jinbena għada, se jibqa’ hemm għal ħafna snin u allura hemm responsabbiltà”. 

Barra minnhekk huwa tkellem fuq kwistjoni oħra li għalih hija importanti ħafna, jiġifieri dik tal-affordabbiltà fejn sostna li hemm bżonn ta’ analiżi dwar dak li seħħ u naraw kif żviluppaw l-affarijiet. Dan bil-għan li nifhmu x-xejriet u nilqgħu għad-domandi taż-żmien li ġej. “Fil-fehma tiegħi, waħda mill-affarijiet l-aktar importanti hija dik tal-affordabbiltà. Minkejja l-iżvilupp sostanzjali kif ukoll hemm is-supply fis-settur, xorta waħda l-prezz tal-proprjetà baqa’ tiela’,” innota l-Ministru Zrinzo. 

Fir-rigward huwa qal li l-istudji jridu jwasslu għal strateġija “ħalli flimkien naraw u nfasslu. Nemmen li hemm responsabbiltà kbira u rridu nifhmu x’inhuma l-ħtiġijiet tal-pajjiż. Aħna se nibqgħu naħdmu, nagħmlu deċiżjonijiet għaqlin biex is-settur ikun sostenibbli u fl-istess ħin jilqa’ għall-ħtiġijiet tan-nies”. 

Fl-aħħar mill-aħħar il-Ministru Stefan Zrinzo reġa’ tenna li l-għan tal-Gvern huwa wieħed, jiġifieri dak ta’ kwalità aħjar “fejn il-manifest elettorali jiggwidana ħalli permezz tal-miri li fih, titjieb il-ħajja tal-Maltin u l-Għawdxin kollha”.

Ekonomija

Sport