Il-Gvern ta’ Malta ressaq rikors quddiem il-Qorti biex l-appell li għamlet Steward Malta fil-kawża b’rabta mal-konċessjoni tal-isptarijiet jinstema’ b’urġenza fl-interess pubbliku u fl-interess nazzjonali.
Filwaqt li l-Gvern ta’ Malta m’appellax mis-sentenza ta’ nhar l-24 ta’ Frar 2023, mogħtija mill-Imħallef Francesco Depasquale fil-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili, huwa wieġeb għar-rikorsi tas-soċjetajiet Steward, fejn b’kollox tressqu għaxar atti ġudizzjarji.
Fir-risposti tiegħu l-Gvern oppona għat-talba ta’ Steward li jitressqu provi u dokumenti ġodda, u f’każ li l-Qorti tilqa’ din it-talba li jitressqu dokumenti ġodda, żamm id-dritt li ikun f’pożizzjoni li jwieġeb għalihom, anke billi jressaq talba biex jippreżenta dokumenti li ma kinux disponibbli (lanqas kienu jeżistu) qabel l-għoti tas-sentenza. Dan peress li kien hemm żviluppi wara l-għoti tas-sentenza.
Il-Gvern Malti oppona wkoll għat-talba tas-soċjetajiet Steward, li qegħdin jitolbu li l-Qorti tal-Appell Superjuri Sede Ċivili tirreferi l-każ quddiem il-Qrati Ewropej.