Wara dawk ix-xeni kaotiċi fi Stade de France qabel il-finali tal-UEFA Champions League fejn bosta partitarji ta’ Liverpool ma tħallewx jidħlu, il-Gvern Franċiż u l-UEFA kienu fiċ-ċentru ta’ kritika enormi minħabba li fallew fl-organizzazzjoni hekk kif il-partita kellha tittardja b’36 minuta.
Iżda l-Gvern Franċiż xeħet il-ħtija fuq il-manager tar-Reds, Jurgen Klopp. Il-Ministru tal-Intern, Gerald Darmanin, akkuża lil Klopp minħabba li ġimgħat qabel il-finali stieden lill-partitarji ta’ Liverpool biex imorru Pariġi u jieħdu pjaċir għal din il-manifestazzjoni sportiva. Huwa qal ukoll li l-belt kapitali Franċiża hija tant kbira li kapaċi takkomoda anke lil dawk il-partitarji li ma kellhomx biljetti.
Ġara li mat-80,000 partitarju litteralment invadew Pariġi fejn matul il-ġurnata bosta minnhom attendew għal “Fan Zone”.
Peró il-manager ta’ Liverpool qatt ma lissen lil dawk il-partitarji li ma kellhomx biljetti biex jagħmlu triqithom lejn l-istadium.
Iżda matul il-ġimgħa bdew jinbiegħu biljetti foloz online u min xtrahom ħaseb li kellu d-dritt li jidħol jara l-partita.
Bit-teknoloġija li teżisti llum, il-pulizija kien messha laqgħet lil dawk il-partitarji nofs mil ‘il bogħod mill-istadium biex permezz ta’ scanner kienu jkunu jafu jekk il-biljett ikunx validu jew le … biex tibqa’ tinżamm l-ordni.
Fil-kaos li nħoloq, il-pulizija kienet kostretta wkoll li tuża l-gass tad-dmugħ fejn intlaqtu wkoll familji bit-tfal li tħallew barra u ma rawx il-partita.