Sunday, December 29, 2024

Il-Gvern f’taħditiet dwar ir-regolamenti tal-kannabis mhux mediċinali

Aqra wkoll

Il-Gvern Malti, permezz ta’ delegazzjoni mmexxija mis-Segretarju Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza Rebecca Buttigieg, fetaħ djalogu produttiv mal-Bord Internazzjonali għall-Kontroll tan-Narkotiċi (INCB) dwar il-mudell regolatorju għall-użu ta’ kannabis mhux mediċinali li qed jiġi applikat f’Malta. Id-delegazzjoni Maltija, fi Vjenna fl-Awstrija, kellha l-opportunità tispjega fid-dettall il-prinċipji tal-mudell regolatorju fis-seħħ, li jipprijoritizza l-prinċipji ta’ harm and risk reduction, il-ġustizzja soċjali u s-saħħa pubblika.

Il-laqgħa mal-INCB kienet kordjali, b’enfasi sinifikanti fuq il-kuntatt kontinwu li għandha mal-Awtorità għall-Użu Responsabbli tal-Kannabis (ARUC), mal-Cannabis Harm Reduction Associations u l-impenn ta’ Malta biex tassigura li l-mudell regolatorju jibqa’ flessibbli biex tilħaq l-għanijiet tagħha, partikolarment li tissaħħaħ il-ġlieda kontra t-traffikar tad-droga fis-suq illeċitu.

Is-Segretarju Parlamentari Rebecca Buttigieg spjegat kif il-Gvern Malti huwa kommess li jkompli jippromwovi mudell regolatorju għall-użu tal-kannabis mhux mediċinali, li huwa msejjes fuq il-prinċipji tal-ġustizzja soċjali u s-saħħa pubblika.

“Sodisfatta ħafna li ftaħna dan id-djalogu mal-Bord Internazzjonali għall-Kontroll tan-Narkotiċi biex niddiskutu kif il-mudell tagħna jista’ jservi ta’ eżempju pożittiv għal pajjiżi oħra. Permezz tal-ARUC, qed naħdmu biex nassiguraw li d-drittijiet tal-bniedem jibqgħu jiġu salvagwardjati, filwaqt li l-isforzi tagħna jiffokaw iżjed fuq l-edukazzjoni u sigurtà għal komunità, aktar milli fuq miżuri punittivi,” tenniet is-Segretarju Parlamentari Buttigieg.

Il-Kap Eżekuttiv tal-ARUC, Leonid McKay enfasizza l-importanza tad-dekriminalizzazzjoni, b’qafas regolatorju li jimmira li jipprovdi settur li jipproteġi dawk l-adulti li jixtiequ jagħmlu użu mill-kannabis b’mod responsabbli u f’ambjent sigur.

“L-Awtorità, ingħatat il-mandat biex tnaqqas il-ħsara kkawżata mis-suq illeċitu u timplimenta l-miżuri ta’ prevenzjoni meħtieġa. Dan se jkun qed iseħħ permezz ta’ qafas regolatorju robust, li ġie stabbilit fil-ġimgħat li għaddew, sabiex jimmonitorja l-użu personali tal-kannabis minn adulti, b’approċċ non-profit li għandu l-għan li jpoġġi lin-nies u l-komunità fiċ-ċentru tal-politika tal-gvern,” temm jgħid is-Sur McKay.

Apparti l-laqgħa mal-INCB, id-delegazzjoni Maltija ltaqgħet ukoll ma’ rappreżentanti minn pajjiżi oħra li wkoll qed jesploraw mudelli regolatorji dwar l-użu mhux mediċinali tal-kannabis.

Ekonomija

Sport