Friday, December 13, 2024

Il-Gvern iħabbar skema ta’ rifużjoni għal spejjeż marbuta ma’ mediċini tal-IVF

Maria Azzopardi
Maria Azzopardi
Ġurnalista

Aqra wkoll

“Ladarba tajna l-kelma fil-budget li l-mediċini tal-IVF se jkunu bla ħlas, hekk se jsir” – il-PM

Sakemm jitlesta l-proċess tekniku ta’ xiri ta’ mediċini li għaddej, il-Prim Minstru u Mexxej tal-Partit Laburista ħabbar li b’mod immedjat, ħadu d-deċiżjoni li jagħtu rifużjoni tal-ispiża tal-mediċini tal-IVF fil-forma ta’ għotja lil dawk il-koppji kollha li mill-1 ta’ Jannar ta’ din is-sena kienu għaddejin mill-proċess tal-IVF sa meta mistennija jaslu l-mediċini f’nofs Ġunju ta’ din is-sena.

Ħabbar dan waqt attività politika minn ġewwa Ħal Tarxien. Fl-indirizz tiegħu Dr Abela tkellem dwar ir-realtà li jaffaċċjaw koppji li għal raġuni jew oħra ma jistax ikollhom tfal. 

Huwa qal: “Illum f’ħafna każijiet, is-servizz tal-IVF qed jingħata mill-istat, mingħajr ħlas u huwa servizz tal-aqwa kwalità. Aħna emminna fil-bidla… aħna wettaqna r-riformi. Ħassejna wkoll il-ħtieġa li miżura li ħabbarna fil-budget għal din is-sena inwetquha llum qabel għada. Fhimna li l-ispiża tal-mediċini tal-IVF hija aktar iebsa għal dawk li jkunu għaddew minn ċiklu tal-IVF għal aktar minn darba. Il-mediċini tal-IVF tiswa eluf ta’ ewro. Għalhekk flimkien mad-Deputat Prim Ministru tkellimna biex naraw fiex wasal il-proċess tax-xiri tal-mediċini, li huwa proċess li jitlob ukoll procurement pubbliku u għalhekk jieħu ftit taż-żmien. Fhimna li għal dawn il-koppji l-arloġġ itektek taż-żmien huwa l-iktar ħaġa li għandhom kontrihom fejn ma jistgħux jistennew proċess tekniċi u burokrazija għax kull ġurnata tgħodd. Għalhekk b’mod immedjat ħadna d-deċiżjoni li sakemm dan il-proċess jitlesta nagħtu rifużjoni tal-ispiża tal-mediċini tal-IVF fil-forma ta’ għotja lil dawk il-koppji kollha li mill-1 ta’ Jannar ta’ din is-sena kienu għaddejin mill-proċess tal-IVF sa meta mistennija jaslu l-mediċni f’nofs Ġunju ta’ din is-sena. Ladarba tajna l-kelma fil-budget li l-mediċini tal-IVF se jkunu bla ħlas, hekk se jsir.”

Dr Abela tkellem ukoll dwar il-fatt li għadhom kemm għalqu ġimgħa importanti għal pajjiżna. Innota iżda li ħaddiehor huwa mehdi fil-parrtiġġjaniżmu, fl-attakki personali u bla bażi, fl-ispekulazzjoni u moħħhom biex iħarsu lura għax qal li m’għandhom ebda idea għall-ġejjieni. 

Fost il-ħidma, il-Prim Ministru tkellem dwar l-inawgurazzjoni tal-proġett f’Ħas-Saptan, laqgħat importanti fi Franza fejn tkellmu fuq il-protezzjoni tal-ibħra u s-settur marittimu, apparti mill-implimentazzjoni u tħabbir ta’ aktar inizjattivi ta’ riġenerazzjoni fil-housing estates eżistenti, fost inizjattivi oħra.

Dan apparrti mill-fatt li tkomplew jiġi implimentati l-miżuri tal-budget, miżuri li jindikaw li bħala gvern ma jinjora r-realtajiet ta’ ħadd. Dr Abela qal li l-ideali tagħhom, mill-moviment tal-ħaddiema, għadhom u jibqgħu integrali fit-twemmin tagħhom.

Semma l-ħlas tal-pensjoni għall-ewwel darba ta’ dawk li għalkemm kellhom mill-inqas 10 snin bolla mħallsa, ma kinux qed jirċievu pensjoni. F’dan ir-rigward hemm min diġà qed jitħallas, filwaqt li oħrajn se jkunu qed jirċievu din il-pensjoni għall-ewwel darba fil-ġimgħat li ġejjin.

Qal li Jannar fisser numru ta’ inizjattivi. “Ħaġa waħda biss naqqqasna, it-taxxa fuq ix-xogħol. Kieku qalulna f’Ottubru li għadda li se nagħmlu budget u mhux se nimplimentawh. Kienu vvintaw li ma kelnix fiduċja fil-budget li konna se nressqu għax ġiegħlu lilhom innfushom jemmnu li kienet se ssir elezzjoni fis-27 ta’ Novembru. Aħna mhux biss approvajna l-budget imma fl-ewwel xahrejn ta’ din is-sena implimentajna seba’ minn kull 10 miżuri ta’ natura soċjali li ħabbarna fil-budget. Hekk se nibqgħu nagħmlu għax dak li nwiegħdu nwettquh,” qal Dr Abela. 

Semma dak li qed jiġi mbassar li l-ekonomija ta’ pajjiżna se jkollha l-akbar tkabbir ekonomiku fl-Unjoni Ewropea kollha.

“Il-kelliema tal-Oppożizzjoni jbeżżgħu bil-Greċja għaliex aħna ddeċiedejna li ngħinu lin-nies, filwaqt li l-esperti ekonomiċi jesprimu l-fiduċja tagħhom fl-ekonomija ta’ pajjiżna. Hemm fejn toħroġ id-differenza: Partit Laburista fil-gvern li jemmen fl-investiment fin-nies biex tibqa’ tikber l-ekonomija, u l-Partit Nazzjonalista ankrat fil-passat li kien għalihom kienu jagħmlu hekk kif kienu għamlu meta kienu qed imexxu fl-2008-2009, fejn minkejja l-isfidi internazzjonali, serħu raskom li ma kienu jgħinu lil ħadd.” Dr Abela qal li l-Oppożizzjoni tipprova tagħmel x’se tivvinta, għax tinsab infixkla kif dan il-gvern baqa’ dejjem ikollu l-prijoritajiejt tajbin. 

“Kull meta ġejna għad-deċiżjonijiet il-kbar, qalbna dejjem ħabbtet fil-post it-tajjeb u għax il-qalb tagħna tħabbat fil-post it-tajjeb, man-negozji u mal-familji, l-unika arma li  baqalhom hi dik li mingħalihom jippruvaw jisfukawna minn fuq ħidmietna bħala gvern għax ma jridux li dan il-moviment jibqa’ jagħmel il-ġid,” kompla Dr Abela filwaqt li qal li kull meta kien hemm bżonn li jittieħdu deċiżjonijiet anke iebsa, ma ddejqu xejn li joħduhom.

“Tant ma jiddejqux jigdbu li saħansitra l-gideb anke fuq billboard iwaħħluh. Fl-aħħar ġimgħat weġibt, u se nibqa’ nwieġeb għal kull domanda li ssirli… saħansitra tajt tagħrif jiena stess lill-ġurnalisti għax nemmen fit-trasparenza. Iridu joħduna lura u jien ngħidilhom li m’għandhomx ċans għaliex għalina l-futur u t-tmexxija ta’ dan il-pajjiż huma l-aktar ħaġa importanti. La sfukajtuna waqt pandemija u qas se tisfukawna fiż-żmien sabiħ li ġej għal pajjiżna.”

Dr Abela ma naqasx milli jinnota li l-Kap tal-Oppożizzjoni huwa inkonsistenti. “Il-Kap tal-Oppożizzjoni huwa distruttiv għax ma jridx jagħti sehemu għall-pajjiżna. Huwa sieq naħa u sieq naħa oħa għax jipprova jintogħġob ma’ kulħadd. Għalhekk jekk ikunu fdati fit-tmexxija tal-pajjiiż,  l-Oppożizzjoni jheddu dak li ksibna u dak li għadd irridu niksbu flimkien għax meta bniedem ma jkunx konvint f’ħaġa ma jistax imexxiha ‘l quddiem, lanqas jista’ jiddefendiha daqs kemm jista’ jtejjibha.”

“Irrid li meta jasal il-mument tal-għażla, l-għażla tan-nies tkun fuq it-track rekord tagħna, iżda aktar minn hekk fuq il-proġetti li għandna mfaslin għall-ġejjieni tal-pajjiż. Irridu nirbħu l-fiduċja tan-nies mhux għax ħaddieħor maqsum f’mitt biċċa imma għaliex aħna magħqudin. Irridu nirbħu l-fiduċja tan-nies mhux għax ħaddiehor mhedi fil-passat, imma aħna kapaċi noffru viżjoni, futur isbaħ għall-Maltin u l-Għawdxin kollha,” temm jgħid Dr Abela.

Ekonomija

Sport