Saturday, December 21, 2024

Il-Gvern impjenjat li jintroduċi servizz bl-ajru bejn Malta u Għawdex

Aqra wkoll

Il-fatt li l-Gvern ikkommetta ruħu li jsaħħaħ u jkabbar il-konnettività bejn Malta u Għawdex permezz ta’ servizz ġdid bl-ajru bejn iż-żewġ gżejjer intlaqa’ b’sodisfazzjon mill-Assoċjazzjoni tat-Turiżmu Għawdxija. Dan l-impenn fil-fatt kien sostnut mill-Prim Ministru nnifsu waqt attività li saret dan l-aħħar f’Għajnsiem.

Barra minn hekk, l-Assoċjazzjoni nnutat pożittivament illi l-infrastruttura meħtieġa biex iżżid il-konnettività se tkun waħda sostenibbli u fl-ebda waqt mhi se tittieħed art agrikola.

L-Assoċjazzjoni enfasizzat illi dan il-proġett mhux biss se jnaqqas mill-insularità tal-gżira Għawdxija billi se tissaħħaħ il-konnettivita bejn iż-żewġ gżejjer imma wkoll se jkun ta’ katalist fil-ħolqien ta’ niċeċ ekonomiċi ġodda fil-gżira tat-Tliet Għoljiet.

Innutat ukoll b’sodisfazzjon dak li ħabbar il-Prim Ministru illi l-Gvern qed jara wkoll kif jista’ jkabbar il-flotta tal-Gozo Channel bl-introduzzjoni tar-raba vapur li ma jkunx ta’ dannu għall-ambjent u bl-inqas emissjonijiet fl-arja.

Dawn huma passi sinifikanti li l-Assoċjazzjoni tat-Turiżmu Għadxija  qiesithom bħala li se jtejbu l-aċċessibilità partiklolarment għat-turiżmu lejn din il-gżira Għawdxija matul is-sena kollha.

Ekonomija

Sport