Friday, December 27, 2024

Il-Gvern Ingliż ippressat biex iwaqqaf il-bejgħ ta’ armi lil Iżrael

Aqra wkoll

Qed tikber il-pressjoni parlamentari fuq il-gvern tar-Renju Unit biex jipprojbixxi l-bejgħ tal-armi lill-Iżrael. Din il-pressjoni bdiet wara li l-Iżrael baqa’ jinjora r-riżħaddiet ftit tal-ġimgħat ilu li ssejjaħ lin-naħat kollha biex jimpenjaw ruħhom għal waqfien mill-ġlied fil-L-vant Nofsani.

Ittra li kienet iffirmata minn aktar minn 130 parlamentari lis-segretarju għall-Affarijiet Barranin, Lord David Cameron, enfasizzat azzjoni meħuda minn pajjiżi oħra, l-aktar reċentement il-Kanada, li  ħabbret li kienet se twaqqaf l-esportazzjonijiet kollha tal-armi lejn l-Iżrael.

Il-Ministri tal-gvern ingliż iffaċċjaw sejħiet mis-shadow minister Laburista għall-affarijiet barranin, David Lammy, biex jippubblikaw il-parir legali li ngħataw dwar jekk kienx hemm riskju serju li l-Iżrael qed jikser il-liġi umanitarja internazzjonali, xi ħaġa li normalment twassal għal sospensjoni tal-bejgħ tal-armi mir-Renju Unit.

L-ittra, li kienet ikkoordinata mid-Deputat Laburista Zarah Sultana, kienet iffirmata minn 107 membri parlamentari u 27 oħra fosthom l-eks ministri Laburisti, il-mexxej tal-Partit Nazzjonali Skoċċiż ta’ Westminster, l-eks shadow minister Jess Phillips, l-eks mexxej Laburista Jeremy Corbyn u l-Konservattiv Nosheena Mobarik.

L-ittra targumenta li n-negozju tas-soltu għall-esportazzjonijiet tal-armi tar-Renju Unit lejn l-Iżrael huwa totalment inaċċettabbli. Tgħid li armi magħmula mir-Renju Unit kienu qed jintużaw f’Gaża, filwaqt li nnotat investigazzjoni riċenti tan-NU li sabet jet tal-ġlied F-16 magħmul b’partijiet tar-Renju Unit kien probabbilment responsabbli għall-bumbardament ta’ tobba Brittaniċi f’Gaża.

F’żewġ eskalazzjonijiet preċedenti ta’ kunflitt f’Gaża, tinnota l-ittra, il-gvernijiet tar-Renju Unit issospendew il-bejgħ tal-armi lill-Iżrael. Illum, l-iskala tal-vjolenza mwettqa mill-militar Iżraeljan hija ferm aktar fatali, iżda l-gvern tar-Renju Unit naqas milli jaġixxi.

Cameron kien żieda il-kritika tiegħu lejn Iżrael iżda l-ministri qalu li deċiżjoni dwar il-bejgħ tal-armi hija ġudizzju legali kumpless li jqis firxa ta’ fatturi fosthom l-isforzi li għamel Iżrael biex jimminimizza l-vittmi ċivili. 

Għadd dejjem jikber ta’ organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem u tal-għajnuna kienu talbu wkoll li jiġu sospiżi l-liċenzji tal-armi, fosthom Oxfam, Save the Children, Christian Aid, Amnesty International u Islamic Relief.

Fl-istess ittra ġie nnutat ukoll illi l-gvern Iżraeljan jidher li qed ikompli jinjora r-riżoluzzjoni tal-waqfien mill-ġlied tal-kunsill tas-sigurtà tan-NU, qed jerġa’ jikser il-liġi internazzjonali u jagħmel il-każ għat-tmiem tal-bejgħ tal-armi impossibbli li jiġi injorat.

Bosta parlamentari tal-House of Commos sostnew li l-gvern tar-Renju Unit għandu finalment iħares id-drittijiet tal-poplu Palestinjan, jagħti widen għal din is-sejħa minn 130 parlamentari bejn il-partiti, u jtemm immedjatament il-bejgħ tal-armi lill-Iżrael.

Ekonomija

Sport