Tuesday, November 19, 2024

Il-Gvern irid jibqa’ jwettaq dak li jwiegħed – Joseph Muscat, eks Prim Ministru

Aqra wkoll

L-iktar ħaġa importanti għall-Gvern hija dik li ma jitlifx ir-reputazzjoni illi jwettaq dak li jwiegħed. Qal dan l-eks Prim Ministru Joseph Muscat meta kien qiegħed jiġi intervistat minn Emanuel Cuschieri fuq Smash TV. Dr Muscat qal illi l-programm elettorali tal-Partit Laburista fl-aħħar elezzjoni ġenerali kien wieħed ambizzjuż immens u t-twettiq tiegħu m’għandux jitħalla jaqa’ lura. L-eks Prim Ministru żied jgħid illi minn barra jidher illi f’nofs legiżlatura, fuq ċerti proġetti m’hemmx l-impetu meħtieġ biex dawn jitwettqu.

Mistoqsi dwar il-budget, Dr Muscat waqt li feraħ lill-Ministru Clyde Caruana, qal li dan kien budget tajjeb ħafna li baqa’ jibni fuq it-tradizzjoni li l-poplu jara x’se jingħata u mhux x’se jitteħidlu, bil-kontra ta’ li kien jiġri qabel l-2013. Il-periklu issa huwa li din is-sitwazzjoni qed tindara u dan il-periklu jrid ikun ikkombattut billi l-gvern ifakkar minn fejn beda u kif il-miraklu ekonomiku li seħħ fl-aħħar snin se jibqa’ jkun sostnut. Jekk il-pajjiż ma jkollux pjan ekonomiku, imur lura għas-sitwazzjoni ta’ qabel l-2013.

L-eks Prim Ministru qal li żgħażagħ li llum għandhom 20 sena jew inqas u li se jivvotaw għall-ewwel darba fl-elezzjoni ġenerali li jmiss m’għandhomx idea ta’ budgets differenti minn dawk tal-lum, meta kienu jogħlew it-taxxi u l-kontijiet bħalma kien jiġri qabel l-2013. Il-kisbiet li saru fl-aħħar snin ma jistgħux jitħallew jittieħdu for granted. Dr Muscat irrimarka li fil-ġimgħat li għaddew il-Qorti ddikjarat li s-surcharge fuq il-kontijiet tad-dawl u l-ilma li kien daħħal il-gvern Nazzjonalista qabel l-2013, kienet diskriminatorja. Dwar ħaġa daqshekk importanti iżda ma nstema’ xejn.

Mitlub jgħid liema hija l-iktar miżura fundamentali tal-budget, l-eks Prim Mnistru qal li mingħajr dubju li hija s-sussidju fuq il-kontijiet tad-dawl u l-ilma. Dr Muscat qal li l-gvern għamel sew li rreżista l-pressjoni tal-UE biex dan is-sussidju jitneħħa. L-eks Prim Ministru qal li jekk il-pajjiż mhux se jkun imfakkar dwar dan, se jinduna kemm din hija miżura daqshekk kruċjali meta tintilef.

Dr Muscat qal li ma jaqbilx li l-budget għandu jkun pjan strateġiku għaliex ma tistax tagħmel pjan strateġiku ta’ sena. Il-pjan strateġiku tal-gvern irid ikun il-manifest elettorali mifrux fuq 5 snin. Dwar it-tnaqqis fl-income tax, qal illi fl-opinjoni tiegħu b’mod strateġiku l-gvern seta’ firex dan it-tnaqqis fuq medda ta’ bejn sentejn u tliet snin.  

L-eks Prim Ministru saħaq li l-prijorità ghandha tkun in-nefqa kapitali fuq proġetti li l-pajjiż għandu bżonn bħall-infrastruttura tad-drenaġġ, l-ilma, d-dawl, t-toroq, modi ġodda ta’ trasport u żoni miftuħa. Il-gvern għandu l-flus biex iwettaq proġetti bħal dawn imma hemm ukoll il-privat li jkun interessat li jidħol għal proġetti simili. Dr Muscat qal li ħa gost jisma’ lill-Ministru tas-Saħħa Jo Etienne Abela jgħid illi kieku l-proġett tal-isptarijiet irnexxa, kieku l-affarijiet fis-settur tas-saħħa huma ħafna aħjar.

Dr Muscat qal illi biex ikollna pajjiż ta’ kwalità ma nistgħux inċedu għan-narattiva li fil-pajjiż ma jkunx hawn barranin. Żied li bil-kontra, jekk il-Maltin kif għandu jkun, għandu jkollhom l-iktar impjiegi ta’ kwalità f’pajjiżna, fejn mhux se jkun hemm biżżejjed ħaddiema Maltin se jkollhom jiġu l-barranin. Dr Muscat qal illi biex l-ekonomija tibqa tikber, ċertu xogħlijiet bilfors iridu jsiru mill-barranin.

Qal illi meta kien Prim Ministru, Kap Eżekuttiv ta’ kumpanija kbira ħafna f’pajjiżna li timpjega mijiet ta’ ħaddiema kien spjegalu kif bħala kumpanija riedu jkabbru l-operat tagħhom iżda ma setgħux isibu biżżejjed haddiema Maltin u kellhom jimpjegaw il-barranin. Kieku ma ġarax hekk, din il-kumpanija kienet iżżarma u tmur f’pajjiż iehor u kienu jitilfu l-post tax-xogħol tagħhom il-Maltin. L-eks Prim Ministru qal li fl-istess ħin preokkupazzjonijiet ġenwini u tensjonijiet kulturali jridu jkunu indirizzati.

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport