Il-Gvern irid jipprovdi assigurazzjoni tas-saħħa lill-uffiċjali kollha tal-korpi dixxiplinati

Il-Prim Ministru Robert Abela jżur l-RIU u l-SIU f’Ta’ Kandja

Aqra wkoll

Il-Prim Ministru Robert Abela żar żewġ sezzjonijiet fi ħdan il-Korp tal-Pulizija f’Ta’ Kandja, fejn seta’ jara mill-qrib il-ħidma speċjalizzata mwettqa mir-Rapid Intervention Unit (RIU) u mill-Ispecial Intervention Unit (SIU).

Matul iż-żjara, il-Prim Ministru, akkumpanjat mill-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Glenn Bedingfield u mill-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà, wassal messaġġ importanti ta’ impenn politiku mill-Gvern ħalli titwettaq miżura mill-manifest elettorali favur is-saħħa u s-sigurtà tal-uffiċjali fil-korpi dixxiplinati.

Il-Prim Ministru Robert Abela qal li l-Gvern jagħraf il-ħtiġijiet partikolari tal-uffiċjali tal-korpi dixxiplinati u l-isfidi partikolari li jaffaċċjaw waqt il-qadi ta’ dmirijiethom. Spjega kif f’din il-leġiżlatura, bħala parti mit-twettiq tal-manifest elettorali, il-Gvern irid jipprovdi assigurazzjoni tas-saħħa lill-uffiċjali kollha tal-korpi dixxiplinati sabiex ikollhom aċċess aktar mifrux għas-servizzi tas-saħħa li jkunu jeħtieġu.

Il-Prim Ministru żar iż-żona tat-taħriġ u l-flotta ta’ vetturi operattivi taż-żewġ taqsimiet. Huwa ngħata wkoll spjegazzjoni dwar it-taħriġ prattiku li jsir f’faċilitajiet apposta, fosthom eżerċizzji marbuta ma’ aċċess għal binjiet f’sitwazzjonijiet fejn ir-riskju ikun ikklassifikata bħala wieħed għoli.

Dr Abela rringrazzja l-uffiċjali tal-RIU u l-SIU għad-dedikazzjoni, il-professjonalità u l-kuraġġ li juru ta’ kuljum fil-qadi ta’ dmirijiethom u fil-ħarsien tas-sigurtà tal-poplu Malti u Għawdxi. 

Huwa tenna li l-Gvern jinsab impenjat biex ikompli jinvesti fil-ħaddiema u r-riżorsi neċessarji, fosthom taħriġ u tagħmir teknoloġiku adegwat, sabiex il-membri tal-Korp tal-Pulizija jkunu jistgħu jkomplu jagħtu servizzi eċċellenti. Il-Prim Ministru saħaq li l-investiment fil-Korp huwa investiment dirett fis-sigurtà tal-familji, il-komunitajiet u l-pajjiż inġenerali.

L-RIU hija t-taqsima li tkopri rispons, fil-fatt din it-taqsima taħdem erbgħa u għoxrin siegħa kuljum. L-uffiċjali tagħha jirrispondu għal firxa wiesgħa ta’ emerġenzi, fosthom każijiet ta’ vjolenza domestika, inċidenti tat-traffiku, serq, nirien u sitwazzjonijiet li jinvolvu armi. Din it-taqsima tal-Korp għandha ukoll preżenza regolari u viżibbli f’għadd ta’ żoni madwar il-pajjiż u toffri ukoll assistenza operattiva lil diversi taqsimiet oħra fi ħdan il-Korp tal-Pulizija.

Fl-aħħar xhur, l-RIU kompliet tissaħħaħ permezz ta’ flotta ġdida ta’ vetturi speċjalizzati u uniformijiet ġodda mfassla apposta biex joffru aktar mobilità, kumdità u effiċjenza lil dawn l-uffiċjali waqt il-qadi ta’ dmirijiethom.

Min-naħa l-oħra, it-taqsima tal-SIU hija responsabbli mir-rispons tattiku għal sitwazzjonijiet ta’ riskju għoli, fosthom każijiet li jinvolvu ostaġġi, persuni armati, theddid terroristiku u operazzjonijiet kontra traffikar ta’ droga. Din is-sezzjoni tipprovdi ukoll taħriġ speċjalizzat fl-armi, fl-ewwel għajnuna u f’dak li għandu x’jaqsam mal-kontroll tal-folol, fost oħrajn.

Il-Prim Ministru Robert Abela temm jgħid li l-Gvern se jkompli jkun ta’ spalla għall-Korp tal-Pulizija sabiex l-uffiċjali jibqa’ jkollhom il-kundizzjonijiet, ir-riżorsi u t-taħriġ meħtieġ biex ikomplu jwettqu dmirijiethom bl-ogħla livell ta’ professjonalità, filwaqt li jsaħħu dejjem aktar il-fiduċja li l-pubbliku għandu fihom u jżommu lill-komunitajiet tagħna siguri.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport