Monday, August 3, 2026
Home Internazzjonali L-intelliġenza artifiċjali se tieħu l-post tax-xogħol tal-ħaddiema?

L-intelliġenza artifiċjali se tieħu l-post tax-xogħol tal-ħaddiema?

0
15

Fit-toroq ta’ Wuhan fiċ-Ċina, fejn il-karozzi jikkompetu għall-ispazju tal-ipparkjar mal-muturi u t-trakkijiet tal-merkanzija, ħsara teknika f’tip ġdid ta’ vettura dan l-aħħar ikkawżat kaos kbir fit-toroq ta’ din il-belt.

F’Marzu, diversi karozzi minn flotta ta’ taxis li jinstaqu mingħajr xufier waqfu ħabta u sabta fin-nofs tat-triq. Din il-ħsara fis-sistema ħalliet lill-passiġġieri mħassba u mwaħħlin bla trasport għal sigħat sħaħ.

Ir-robotaxis, magħrufa bħala Apollo Go u mħaddma bl-intelliġenza artifiċjali (AI), tneħħew mit-toroq ta’ Wuhan għal xhur sabiex isiru l-investigazzjonijiet meħtieġa.

Madankollu, dik il-waqfa fis-servizz kienet ta’ benefiċċju għax-xufiera tat-taxi li ħafna minnhom, id-dħul naqsilhjom b’madwar 40% minn mindu tnieda s-servizz Apollo Go fl-2022, iżda reġa’ żdied hekk kif il-klijenti bdew jirritornaw.

Iċ-Ċina qed tinkoraġġixxi l-użu tal-intelliġenza artifiċjali fuq skala li ma tidhirx fil-pajjiżi tal-Punent. Din it-teknoloġija qed tiġi introdotta b’rata mgħaġġla ħafna f’suq tax-xogħol li qed isir dejjem aktar prekarju, u l-inċident f’Wuhan għen biex jenfasizza t-tensjonijiet soċjali li qed toħloq din is-sitwazzjoni.

Ħaddiema f’impjiegi huma mħassba dwar l-impatt tal-AI fuq l-għajxien tagħhom, fl-istess waqt, inċidenti riċenti fejn ħaddiema tal-uffiċċju ġew sostitwiti minn din it-teknoloġija qanqlu dibattitu dwar jekk il-ħaddiema għandhomx iħaddnu l-AI jew jippruvawx jikkompetu magħha.

Waqt li kien qed jindirizza l-Konferenza Dinjija tal-IA f’Shanghai f’Lulju, il-mexxej taċ-Ċina, Xi Jinping, qal li l-IA għandha tkun “mutur importanti għall-prosperità u s-sigurtà komuni”. Iżda dak il-għan qed jiġi esegwit f’suq tax-xogħol dejjem aktar fraġli. Minbarra li tbati minn livelli għoljin ta’ qgħad, iċ-Ċina rat għexieren ta’ miljuni ta’ ħaddiema jitilqu mill-impjieg formali u jidħlu fl-ekonomija tal-gig.

Skont grupp ta ħassieba, l-għadd ta’ nies f’impjieg flessibbli se jiżdied għal 320 miljun din is-sena, minn 160 miljun fl-2019. Dan huwa madwar 44% tal-forza tax-xogħol taċ-Ċina.

Madwar il-pajjiż, setturi li qabel kienu pilastri ewlenin tal-ekonomija – bħas-settur tal-proprjetà immobbli u dak tal-edukazzjoni – batew biex iżommu rashom ’il fuq, waqt li l-ħaddiema rrikorrew għal apps li joffru servizzi tat-trasport biex ilaħħqu mal-ispejjeż tal-ħajja.

Fl-2024, ix-xufiera tat-taxis f’Wuhan ipprotestaw kontra t-tnedija ta’ Apollo Go fil-belt tagħhom. Mhux ċar kemm nies ħadu sehem, għax l-aħbarijiet dwar il-protesti ġew iċċensurati malajr. Diversi xufiera li ġew intervistati f’Wuhan qalu li kienu semgħu bil-protesti iżda ċaħdu li kienu involuti fihom.

L-awtoritajiet fiċ-Ċina ma jieħdux b’mod leġġer il-kritika pubblika. Iżda issa, sentejn wara, il-gvern qed jirrepeti wħud mill-istess tħassib li kienu esprimew għall-ewwel darba x-xufiera ta’ Wuhan.

Editorjal ippubblikat fil-gazzetta statali *Workers’ Daily* stqarr li d-drittijiet tal-impjieg kienu qed jiffaċċjaw sfidi ġodda fl-era tal-intelliġenza artifiċjali. L-artiklu wissa dwar konflitt bejn ir-regoli tradizzjonali tal-impjieg u l-evoluzzjoni tat-teknoloġija tal-AI.

Dan l-aħħar, il-gvern Ċiniż wiegħed li jindirizza b’mod komprensiv l-impatt tal-bidliet fl-ambjent estern u tal-iżvilupp ta’ teknoloġiji ġodda, bħall-intelliġenza artifiċjali, fuq l-impjiegi.

Ħafna analisti iżda jemmnu li ċ-Ċina – fejn il-gvern jeżerċita kontroll sinifikanti fuq is-settur privat – se tkun f’pożizzjoni aħjar mill-Istati Uniti biex tikkontrolla l-konsegwenzi tat-telf tal-impjiegi marbut mal-intelliġenza artifiċjali.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here