Saturday, November 30, 2024

Il-Gvern jaħtar bord biex jevalwa l-proċeduri interni tal-ħabs

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi, Byron Camilleri, ħatar bord sabiex jevalwa proċeduri nterni li ssegwi l-Aġenzija tas-Servizzi Korrettivi. Dan qed jagħmlu skont l-Att dwar l-Inkjesti, Kap. 273.

Il-bord se jkun qed jitmexxa mill-Psikjatra Dr Anton Grech bħala Chairman, bil-Membri l-oħra jkunu l-Akkademika Dr Janice Formosa Pace, u t-tabib Dr George Grech.

Dr Formosa Pace offriet ir-riżenja mill-Bord ta’ Governanza tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, sabiex tkun tista’ sservi fuq dan il-bord.

Dan fid-dawl anke tar-riformi li seħħew fl-aħħar xhur, fejn fl-Aġenzija tas-Servizzi Korrettivi żdiedu l-professjonisti b’iżjed mid-doppju li jfasslu programm għal kull priġunier, b’ħolqien ta’ faċilitajiet mediċi tal-ogħla livell li fihom tobba u infermieri jagħtu servizzi ta’ kuljum lill-priġunieri.

Għaldaqstant, l-għan ta’ dan il-bord hu li jirrakkomanda lill-Ministru proposti bbażati fuq li ġej:

a- Illi jsir skrutinju tal-proċeduri segwiti fl-Aġenzija tas-Servizzi Korrettivi fir-rigward tal-assessjar tas-saħħa mentali u fiżika ta’ priġunieri li jkunu għadhom kemm ġew ammessi fil-Faċilita Korrettiva ta’ Kordin, u li tkun tinkludi wkoll studju dwar ir-regoli adottati mill-Aġenzija tal-proċess ta’ introduzzjoni fis-sistemi tal-Faċilità;

b- Illi jsir skrutinju tal-proċeduri segwiti mill-Aġenzija tas-Servizzi Korrettivi fir-rigward tal-assessjar tas-saħħa mentali u fiżika tal-priġunieri tul il-perjodu li fih ikunu qed jiskontaw sentenza, kif ukoll analiżi tar-regoli segwiti mill-Aġenzija;

ċ- Illi jsir skrutinju fuq il-proċeduri segwiti mill-Aġenzija tas-Servizzi Korrettivi fir-rigward ta’ priġunieri li jkunu rilaxxati mill-isptar Monte Karmeli u li jkunu qed jirritornaw lura fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, flimkien mas-sistemi li hemm fis-seħħ dwar assessjar kontinwu mill-Aġenzija fuq il-piġunieri;

d- Illi jsir skrutinju fuq il-proċeduri, politika u regolamenti li ssegwi l-Aġenzija tas-Servizzi Korrettivi fir-rigward tar-riabilitazzjoni tal-priġunieri, inkluż u mhux limitatat, b’analiżi fuq l-livell ta’ sapport offrut lil priġunier b’rabta ma xi forma jew oħra ta’ vizzju li jistgħu jkunu jbgħatu minnhom l-istess priġunieri;

e- Illi jsir skrutinju fuq il-miżuri għall-prevenzjoni mis-suwiċidju li ssegwi l-Aġenzija tas-Servizzi Korrettivi.

Il-Bord għandu terminu ta’ 60 ġurnata biex jippreżenta r-rapport tiegħu lill-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi.

Sport