Thursday, December 26, 2024

Il-gvern jara l-iżvilupp sostenibbli bħala opportunità għal forom ġodda ta’ impjieg

Aqra wkoll

Il-gvern qed jara l-iżvilupp sostenibbli bħala opportunità għal forom ġodda ta’ impjieg għaż żgħażagħ, hekk kif illum jimmarka l-ftuħ tal-Ġimgħa Ewropea għall-Iżvilupp Sostenibbli 2020. Il Ministru fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru Carmelo Abela u s-Segretarju Parlamentari għaż Żgħażagħ, l-Isport u l-Volontarjat Clifton Grima mmarkaw il-ftuħ tal-Ġimgħa Sostenibbli 2020, billi  

indirizzaw konferenza virtwali maż-żgħażagħ, fejn ippromwovu liż-żgħażagħ bħala aċċeleratur  ewlieni biex jintlaħqu l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli 2030. Il-Ministru Abela u s-Segretarju  Parlamentari Grima enfasizzaw kif li jinvolvu liż-żgħażagħ u jġibuhom fid-diskussjoni dwar il kumplessità tal-isfidi tas-sostenibbiltà u jiddibattu l-aspirazzjonijiet tagħhom għall-futur hija  tabilħaqq prova ħajja tas-sostenibbiltà. Dan jirrifletti wkoll il-viżjoni u l-impenn tal-gvern Malti li  jagħti s-setgħa liż-żgħażagħ u jagħtihom l-opportunità li jieħdu rwol attiv fil-proċess tat-teħid tad deċiżjonijiet f’diversi livelli. 

Meta kien qed jindirizza liż-żgħażagħ virtwalment, il-Ministru Abela tkellem dwar l-involviment  dirett ta’ ċittadini żgħażagħ bħala parti importanti mill-prinċipji tal-Aġenda 2030 tan-Nazzjonijiet  Uniti u s-17-il Għan ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs) tagħha, li jitlob teħid ta’ deċiżjonijiet inklużiv u  rappreżentattiv fil-livelli kollha. “L-SDGs huma l-pjan direzzjonali tagħna għal prattiki ekonomiċi  favur l-ambjent u l-klima; għal konservazzjoni aħjar tal-ispeċijiet u agrikoltura aktar sostenibbli; biex  ittaffi l-faqar, għal standards soċjali u għal edukazzjoni aħjar, produttività akbar, żieda fil-provvista  tax-xogħol u finalment tkabbir aktar b’saħħtu,” qal il-Ministru responsabbli fost l-oħrajn għall-iżvilupp sostenibbli. 

Huwa żied li l-Aġenda 2030 tan-Nazzjonijiet Uniti tirrikonoxxi liż-żgħażagħ bħala; “aġenti kritiċi  tal-bidla”, b’miri SDG li jindirizzaw speċifikament liż-żgħażagħ. “Meta naħsbu dwar aġenti tal-bidla,  nistgħu nħarsu lejn il-passat sabiex naraw min kienu dawn l-aġenti tal-bidla. U kif għallmitna l-istorja,  huma ż-żgħażagħ li jġibu bidla. Movimenti li jistinkaw għal aktar ġustizzja soċjali, għal mitigazzjoni  tat-tibdil fil-klima, kif ukoll għal prattiki aktar sostenibbli huma kemm enerġizzati kif ukoll  immexxija miż-żgħażagħ”, ikkonkluda l-Ministru Abela.

Is-Segretarju Parlamentari Clifton Grima saħaq li ż-żgħażagħ jiffurmaw parti kbira tal-popolazzjoni  tad-dinja. Id-dinja hija konnessa iktar minn qatt qabel, b’żgħażagħ li jikkontribwixxu għar-reżiljenza  tal-komunitajiet tagħhom, jipproponu soluzzjonijiet innovattivi, immexxu l-progress soċjali u  jispiraw bidla politika. Iż-żgħażagħ huma wkoll l-aġenti tal-bidla, li jimmobilizzaw biex imexxu ’l  quddiem l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli u jtejbu l-ħajja tan-nies u l-ambjent. 

Huwa żied li l-Politika Nazzjonali taż-Żgħażagħ hija kkonċernata bil-ħajja u r-realtajiet taż-żgħażagħ  u kif dawn jistgħu jiġu appoġġjati u mogħtija s-setgħa permezz ta’ strateġija adegwata u  dispożizzjonijiet politiċi. Permezz ta’ sistema ta’ djalogu strutturat, li tippermetti liż-żgħażagħ biex  jipparteċipaw f’diskussjonijiet ma’ dawk li jfasslu l-politika, qed inkunu nistgħu b’mod effettiv  nagħtu leħen liż-żgħażagħ sabiex jesprimu ruħhom. 

Matul il-ġimgħa li ġejja, ser jiġu organizzati sensiela ta’ avvenimenti mid-Direttorat għall-Iżvilupp  Sostenibbli mmexxi mid-Direttur is-Sur George Said, mill-Ministeru fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim  Ministeru, bħala parti minn inizjattiva Ewropea kollha biex tistimula u turi attivitajiet u proġetti li  jippromwovu l-iżvilupp sostenibbli.

Ekonomija

Sport