Saturday, December 21, 2024

Il-Gvern jilqa’ r-rakkomandazzjoni tal-Ornis sabiex jinfetaħ l-istaġun tal-kaċċa tas-summiena

Aqra wkoll

Kaċċaturi li huma anzjani ‘il fuq minn 65 sena u dawk kollha meqjusa vulnerabbli ma jistgħux joħorġu għall-kaċċa. Fil-fatt il-liċenżja tagħhom tal-kaċċa ġiet miżmuma

Il-Gvern, wara konsultazzjoni wiesgħa mal-awtoritajiet tas-saħħa, qed jilqa’ r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat Ornis sabiex jinfetaħ l-istaġun għall-kaċċa tas-summiena fir-rebbiegħa, bejn l-10 ta’ April sat-30 ta’ April 2020 minn sagħtejn qabel tlugħ ix-xemx sa nofsinhar, inkluż fost il-ġimgħa, nhar ta’ Sibt u Ħadd u festi pubbliċi.

Il-kwota nazzjonali għal dan l-istaġun hija ta’ 5,000 summiena u mhu se jkun hemm l-ebda kwota individwali.

Il-kaċċa għas-summiena hija minnha nnifisha attività solitarja jiġifieri tiġi ppratikata minn kaċċatur waqt li jkun waħdu fir-raba’, iżda l-Gvern qiegħed ikun ċar, u skont id-direttivi li ngħataw mill-Awtoritajiet tas-Saħħa diġa’, anzjani u persuni vulnerabbli ma jistgħux joħorġu għall-kaċċa, u dan skont l-avviż legali li ġie ppubblikat. Fil-fatt ġew miżmuma l-liċenżji tal-kaċċa ta’ dawn il-persuni.

L-istess projbizzjoni tgħodd ukoll għal dawk il-persuni li qegħdin kwarantina u oħrajn li huma ordnati joqgħodu f’iżolament. Dan ukoll filwaqt li jkunu obduti l-kumplament tad-direttivi l-oħrajn li nħarġu mill-Awtortajiet tas-Saħħa Pubblika fosthom li mhux permess li jkun hemm miġemgħa ta’ aktar minn 3 minn nies. Ksur ta’ dan iwassal għall-multi ta’ €100 għal kull persuna. L-istess jgħoddu l-multi  għal dawk  li suppost qegħdin fi kwarantina imma jinstabu barra fejn hemm tapplika multa ta’ €3,000 u multa ta’ €10,000 jekk tinstab barra persuna li suppost qiegħda f’iżolament.

Dan kollu jibqa’ validu sakemm ma jkunx hemm direzzjoni xorta oħra mill-Awtoritajiet tas-Saħħa, li  dejjem tieħu l-preċedenza.

Filwaqt li jsir l-appell tas-soltu sabiex ma jkun hemm l-ebda abbuż u irregolaritajiet f’dik li hi kaċċa, l-appell huwa sabiex il-kaċċaturi u l-pubbliku ġenerali jibqgħu jobdu l-istruzzjonijiet li qed jingħataw.

Mhux se jkunu ttollerati l-ebda forom ta’ abbuż.

Ekonomija

Sport