Monday, December 9, 2024

Aktar minn 1,000 persuna fi kwarantina mandatorja wara li 8 immigranti rriżultaw pożittivi

Aqra wkoll

Il-Ministru għas-Saħħa u Deputat Prim Ministru Chris Fearne beda l-konferenza tal-aħbarijiet b’aħbar tajba. Huwa ħabbar li minn testijiet li saru, kien hemm tliet persuni li fiequ mill-virus.

Rigward iċ-Ċentru Miftuħ ta’ Ħal Far, Fearne qal li kull resident se jkun qed jitpoġġa fi kwarantina mandatorja għal 14-il ġurnata biex ma jkomplix jinxtered il-mikrobu. Huwa għamilha ċara li kull persuna se jkun trattat b’dinjità u f’kull każ se jkunu iżolati dawk infettivi u se jitpoġġew fi kwarantina. Dan wara li fl-aħħar sigħat kien hemm tmien persuni li jgħixu f’dan iċ-Ċentru li rriżultaw pożittivi.

Il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Byron Camilleri qal li d-deċiżjoni li fuq minn 1,000 persuna jitpoġġew fi kwarantina mandatorja ttieħdet aktar kmieni llum. Id-deċiżjoni kellha titħabbar tard illum minħabba li dawn mitlubin jidħlu sas-6:00 p.m u b’hekk li kieku din il-konferenza saret qabel, ir-residenti setgħu jonqsu milli jirritornaw lura fiċ-ċentru. Camilleri talab għall-koperazzjoni ta’ kulħadd, kemm minn naħa ta’ dawn il-persuni kif ukoll min iħaddimhom biex ma jagħmilx mezz li dawn jiksru l-obbligu tal-kwarantina. Huwa spjega li bħalma tħabbar qabel, dan l-obbligu hemm assoċjat miegħu multi għal min jikser dawn l-istess obbligi.

Is-Supretendent tas-Saħħa pubblika Charmaine Gauci qalet li fit-3 ta’ April innotifikaw każ ta’ persuna ta’ 33 sena li kien irriżulta pożittiv. Li sar kien li minn kien qed jorqod fl-istess kabina miegħu u tpoġġew fi kwarantina. Minn dawn irriżulta li kien hemm żewġ persuni oħra pożittivi. Instab ukoll li waqt investigazjoni oħra kien hemm persuna ieħor ta’ 31 sena li beda juru bidu ta’ sintomi u li rriżulta pożittiv wara li sarulu t-testijiet. Wieħed mill-każijiet li kien qed jiġi osservat f’Mater Dei wkoll irriżulta pożittiv.  Hija qalet li minn hemm sar risk assessment u rriżulta li f’dan il-post hemm nies mhux biss li qed jorqdu fl-istess kabina, imma persuni li qed jitħalltu ma’ persuni oħra u b’hekk l-potenzjal li dan jinfirex hu aktar

Fuq nota pożittiva Gauci temmet tagħti ftit informazzjoni dwar it-tliet persuni li jidher li fiequ minn dan il-virus. Dawn huma tifla ta’ 12-il sena, raġel ta’ 55 sena u tfajla oħra ta’ 23 sena. Dawn irriżultaw negattivi iżda jibqgħu 15-il ġurnata oħra fi kwarantina sabiex isirulhom aktar testijiet sakemm jirriżulta li jkunu għaddew mill-kors ta’ dan il-virus.

Ekonomija

Sport