Saturday, December 21, 2024

Il-Gvern jinsab impenjat sabiex jagħti l-għajnuna ħalli l-Familja Ghirxi tkun tista’ tikseb kull tweġiba

Aqra wkoll

“M’hemm l-ebda reżistenza. Għandna impenn bħala gvern, li l-mistoqsijiet li għandhom il-familja ta’ Nicolette Ghirxi jridu jingħataw tweġiba għalihom.” Iddikjara dan il-Ministru għall-Ġustizzja Jonathan Attard waqt intervent fuq ir-radju.

Il-Ministru Attard spjega li wara li ġie avviċinat mill-Prim Ministru Robert Abela, saret laqgħa bejnu u bejn il-Ministru Byron Camilleri u l-Ministru Michael Falzon. Sostna kif dawn lkoll wassalu l-messaġġ li kienu u għadhom fuq in-naħa tal-familja ta’ Ghirxi. Qal ukoll li dawn huma se jagħmlu minn kollox biex il-familjari tal-vittma, jingħataw ir-risposti.

Il-Ministru tal-Ġustizzja fakkar li hemm inkjesta Maġisterjali, oħra fi ħdan il-Korp tal-Pulizija u oħra maħtura mill-Ministru Falzon biex jiġi investigat il-fatturi u ċirkostanzi marbuta mal-każ u saħansitra stiednu lill-familja biex jagħmlu s-sottomissjonijiet tagħhom fuq aspetti li jaħsbu li għandhom jiġu mistħarrġa.

Tenna li ; “Taf li jien għandi kull rispett lejn il-midja u npoġġi ruħi għad-dispożizzjoni tagħha, imma nemmen li dawn id-diskussjonijiet jinżammu kunfidenzjali, mhux għax hemm x’wieħed jaħbi, iżda b’rispett lejn il-vittma, il-familjari tagħha u anke b’rispett lejn il-professjonisti li b’xi mod jew ieħor huma involuti f’dan il-proċess.”

Il-Ministru Attard temm jgħid li l-gvern iltaqa’ mal-familja u ma waqafx hemm hekk kif fil-jiem li ġejjin il-Gvern ser ikun qed ikompli b’ dawn id-diskussjonijiet, fejn il-Prim Ministru Robert Abela diġà tenna li ser ikun qed jiltaqa’ magħhom personalment.

Ekonomija

Sport