Sunday, May 19, 2024

Il-Gvern jippjana ‘ferries’ biex jintużaw mal-pajjiż … pjan ukoll biex il-karozzi kollha tal-Gvern jaħdmu bl-elettriku

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar Aaron Farrugia saħaq fil-Parlament li l-Gvern qed iħejji pjan biex ikun hawn numru ta’ postijiet madwar il-pajjiż fejn il-passiġġieri jkunu jistgħu jieqfu bil-‘ferries’.

Huwa irrimarka dan waqt is-seduta parlamentari li fiha ġew diskussi l-estimi tad-dħul u l-infiq tal-Awtorita għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) għal matul din is-sena.

Farrugia spjega li b’dan il-pjan, li għalih hemm fondi Ewropej, il-‘ferries’ ma jintużawx biss bejn Tas-Sliema, il-Belt u l-Kottonera imma anke fi nħawi oħra bħal San Pawl il-Baħar, San Ġiljan u Ta’ Xbiex u b’hekk pajjiżna jagħmel użu intelliġenti tal-baħar.

Huwa irrefera wkoll għal pjan ieħor tal-Gvern dwar il-karozzi elettriċi fejn semma kif l-ERA biss se jkollha 33 karozza li taħdem bl-elettriku u li se jinkrew għas-somma ta’ €1.1 miljun.

Farrugia semma anke kif il-Gvern qed jaħdem fuq ‘green procurement’ biex il-karozzi kollha tiegħu jkunu jaħdmu bl-elettriku u sostna li għalissa ma jistax isir dan għax hemm il-kuntratti x’jiġu onorati.

Dwar il-miżbla huwa semma kif il-Gvern ma jistax jevita li juża 82,000 metru kwadru fil-Magħtab jekk irid jittratta aktar skart u iddikjara li kien minħabba t-tkaxkir tas-saqajn li l-pajjiż wasal f’pożizzjoni li jridu jieħu deċiżjonijiet importanti.

Fir-rigward tal-ERA huwa qal li din qed tagħmel xogħol kbir u n-nuqqas li jara huwa li mhux tippromwovi l-ħidma li qed tagħmel u għalhekk jeħtieġ li l-poplu jkun infurmat aktar dwar ħidmietha.

Farrugia irrefera wkoll għat-tibdil fil-klima fejn iddikjara li se jpoġġiha fuq nett tal-aġenda tal-pajjiż u semma kif bħalissa qed jitkellem mal-‘stakeholders’ dwar dan.

Huwa elenka wkoll il-ħidma li qed jagħmel mal-ERA fuq oqsma bħas-‘circular economy’, l-iskart relatat mal-kostruzzjoni, is-‘single use plastics’, ir-rimi ta’ skart illegali, it-titjib fil-kwalita tal-arja, il-ħarsien ta’ siti ambjentali, l-infurzar tal-liġi u titjib f’zoni urbani.

Sport