Saturday, December 14, 2024

Il-Gvern jippubblika l-abbozzi tal-liġi dwar ir-riformi

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Ġew ippubblikati l-10 abbozzi tal-liġi relatati mar-riformi kostituzzjonali u istituzzjonali fil-pajjiż.

Dawn l-abbozzi kienu ippreżentati fil-Parlament mill-Minsitru tal-Ġustizzja, Ugwaljanza u Governanza Edward Zammit Lewis.

Fil-jiem li għaddew ġie fi tmiemu d-dibattitu, fi stadju ta’ Tieni Qari, dwar l-ewwel sett ta’ abbozzi ta’ liġijiet marbtua ma’ dawn ir-riformi.

L-ewwel sett ta’ riformi, li issa qegħdin fi stadju ta’ kumitat parlamentari, jitrattaw metodi ġodda ta’ kif jinħatar il-President tar-Repubblika waqt li  t-tnejn l-oħra huma dwar il-ħatra tal-ġudikatura kif ukoll it-tneħħija u d-dixxiplina tal-ġudikatura. 

Dawn it-tliet abbozzi ta’ liġijiet li jemendaw il-Kostituzzjoni jeħtieġu l-vot ta’ mhux anqas minn żewġ terzi tal-voti fil-Kamra tad-Deputati. 

L-aħħar abbozz dibattut, u li kien anke diskuss fi stadju ta’ kumitat parlamentari, huwa dwar ir-riforma fil-Kummissjoni Permanenti kontra l-Korruzzjoni.

Is-sitt abbozzi l-oħra ippubblikati l-Erbgħa għandhom l-għan li jsaħħu l-istituzzjonijiet u l-amministrazzjoni pubblika.

L-abbozzi jittrattaw l-Uffiċċju tal-Avukat Ġnerali, l-Uffiċċju tal-Ombudsman,

l-Uffiċċju tal-Awditur Ġnerali, il-ħatra tas-segretarji permanenti ewlenin u tas-segretarji permanenti, il-ħatriet ta’ karigi għolja fil-pajjiż u l-ħatriet ta’ persuni ta’ fiduċja.

Waqt li qal li hu miftuħ għal kull forma ta’ diskussjoni, il-Ministru Zammit Lewis iddikjara li dan hu ż-żmien li bħala Parlament wieħed u magħqud jgħaddu dawn ir-riformi storiċi mingħajr dewmien.

Ekonomija

Sport