Friday, November 15, 2024

Il-Gvern Malti jinnegozja b’suċċess deroga oħra għal Malta

Aqra wkoll

Għal darb’oħra, Malta reġgħet kisbet deroga minn regoli tal-Kummissjoni Ewropea li jobbligaw lill-istati membri biex inaqqsu l-użu tal-elettriku tagħhom. Din id-deroga nkisbet illum mill-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża Miriam Dalli waqt negozjati fi Brussell waqt laqgħa tal-Ministri tal-Enerġija li ssejħet b’urġenza. Din id-deroga hija importanti għal Malta għaliex bħala pajjiż li jiddependi ħafna fuq l-elettriku, kwalunkwe impożizzjoni biex tonqos id-domanda tal-elettriku jkollha impatt negattiv fuq il-familji u n-negozji. Din hija t-tielet deroga li Malta kibset f’dan il-qasam. F’Awwissu li għadda, il-Kunsill tal-Enerġija qabel ma’ tnaqqis mandatorju ta’ 15% fil-konsum tal-gass. Hawnhekk, Malta kkonvinċiet lill-Kummissjoni Ewropea li ma titgħabbiex b’dan l-obbligu. Is-sena li għaddiet, Malta nnegozjat deroga oħra li permezz tagħha l-pipeline tal-gass baqa’ jikkwalifika bħala proġett ta’ interess komuni.

Dan l-aħħar pakkett ta’ proposti mill-Kummissjoni Ewropea huwa intiż li jipprova jtaffi l-problema ta’ provvista li qed tiffaċċja l-Ewropa, problema li mistennija teskala matul ix-xhur tax-xitwa hekk kif jiżdied il-konsum tal-gass. Minkejja li Malta kisbet dawn id-derogi, il-Gvern huwa kommess li jkompli jħeġġeġ u jinċentiva lis-settur pubbliku, lis-settur privat u anke lid-djar biex tiżdied l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u tonqos il-ħela.

F’kummenti lill-mezzi tax-xandir fi Brussell, il-Ministru Dalli esprimiet l-appoġġ ta’ Malta favur soluzzjonijiet li jnaqqsu l-prezz tal-gass. Saħqet li dak li qed jiġi propost mhuwiex biżżejjed biex itaffi l-problema li qed jaffaċċjaw l-istati membri. Għalhekk li Malta flimkien ma’ 14-il stat membru ieħor qiegħda tinsisti li għandu jkun hemm aktar soluzzjonijiet Ewropej biex jittaffa l-effett negattiv fuq kull pajjiż, inkluż Malta.

Il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea, barra li tħeġġeġ tnaqqis ta’ 10% fl-użu tal-elettriku, tobbliga li l-istati membri jridu jagħmlu tnaqqis ieħor fil-ħinijiet li l-prezz ikun l-ogħla. F’dawk is-sigħat, it-tnaqqis fil-konsum għandu jkun ta’ 5% tal-elettriku gross meta kkumparat mal-ħames snin ta’ qabel. Biex jitħaddem dan ir-regolament, il-pajjiżi membri jridu joħorġu kuntratti biex l-intrapriżi jikkompetu biex inaqqsu l-konsum u jitolbu kumpens għat-telf ta’ negozju f’dawk is-sigħat. Min jitlob l-inqas kumpens jirbaħ il-kuntratt u jkollu jnaqqas il-konsum skont kemm tefa’ fit-tender.  Dan mistenni jaffettwa l-kompettitività tal-intrapriżi u saħansitra joħloq telf ta’ produzzjoni li jista’ jirriżulta f’telf ta’ eluf ta’ impjiegi madwar l-Ewropa kollha.

Waqt il-Kunsill tal-Enerġija, Miriam Dalli saħqet li għandhom jiġu adottati dawk il-proposti li verament kapaċi jgħinu jbaxxu l-prezz tal-elettriku. Fil-każ ta’ Malta, fejn 20% tal-elettriku ġej mill-interconnector minn Sqallija, il-prezzijiet li bihom tixtri l-elettriku huma fost l-ogħla fl-Unjoni Ewropea. Il-Ministru Dalli spjegat li trid issir analiżi serja tal-miżuri li jnaqqsu l-użu tal-gass. “Irridu nagħtu kas tan-nies li nirrappreżentaw, tal-familji, in-negozji u l-industriji. Bħala Unjoni Ewropea ma nistgħux inpoġġu ruħna f’sitwazzjoni fejn nirriskjaw il-kompetittività tal-kontinent, bir-riżultat li nimbuttaw ’il barra l-imprendituri tagħna jew inħallu sitwazzjonijiet fejn nipperikolaw l-impjiegi ta’ bosta ħaddiema,” qalet Dr Dalli.

Malta hija waħda minn 15-il pajjiż li qed timbotta ’l quddiem il-proposta ta’ capping fuq il-prezz tal-gass, bil-għan li l-elettriku li jiġi ġġenerat mill-gass ma jibqax bil-prezzijiet esaġerati li hemm illum. L-idea li l-iktar li qed issib appoġġ tħares lejn kappa fil-prezzijiet minflok tkun fissa, tkun waħda dinamika, marbuta ma’ indiċi ta’ swieq barra l-Ewropa, b’tali mod li l-Ewropa xorta tibqa’ suq attraenti għall-produtturi tal-LNG iżda li tevita l-ispekulazzjoni li hemm fis-suq bħalissa.

Ekonomija

Sport