Il-Gvern Malti, permezz tal-Ministeru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni, nieda konsultazzjoni pubblika dwar ir-riforma fil-midja. Dan hu pass ieħor konkret lejn qafas legali li jsaħħaħ il-libertà tal-espressjoni filwaqt li jippromwovi responsabbiltà u integrità fil-ġurnaliżmu.
Din l-inizjattiva tkompli tibni fuq impenn li l-Gvern ħa mill-2021, meta wieġeb b’mod konkret għar-rakkomandazzjonijiet tal-Inkjesta Pubblika dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, bil-ħatra ta’ Kumitat tal-Esperti tal-Midja. Il-proċess ta’ riforma, li diġà wassal għall-preżentazzjoni ta’ tliet abbozzi ta’ liġi fil-Parlament, issa qed jespandi b’konsultazzjoni pubblika usa’ sabiex il-leġiżlazzjoni finali tkun riflessiva tal-ħsibijiet u l-valuri tas-soċjetà kollha.
Il-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni Jonathan Attard saħaq li dan il-pass jirrappreżenta opportunità għal Malta biex tkompli tkun katalista fir-riformi li jitwettqu, kemm fuq livell nazzjonali kif ukoll Ewropew. Dan hekk kif Malta diġà kienet l-ewwel pajjiż fl-Unjoni Ewropea li daħħal dispożizzjonijiet kontra l-azzjonijiet SLAPP, u kienet attiva fil-promozzjoni ta’ direttiva Ewropea ambizzjuża f’dan il-qasam.
Il-konsultazzjoni pubblika hija bbażata fuq ir-rapport aġġornat tal-Kumitat ta’ Esperti mmexxi mill-Imħallef Emeritus Michael Mallia, li jinkludi analiżi u rakkomandazzjonijiet wara proċess ta’ smigħ estensiv ma’ diversi stakeholders, inkluż l-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin u organizzazzjonijiet internazzjonali.
Filwaqt li l-konsultazzjoni tinkludi wkoll mistoqsijiet kruċjali fosthom dwar:
•L-awtoregolamentazzjoni tal-professjoni tal-ġurnaliżmu;
•Kodiċi nazzjonali ta’ etika ġurnalistika;
•Il-bilanċ bejn il-libertà tal-espressjoni u l-protezzjoni tar-reputazzjoni;
•L-adekwatezza tar-rimedji ġudizzjarji;
•Il-ġlieda kontra d-disinformazzjoni u l-influwenza politika fuq il-midja.
Il-Ministru Attard appella għal parteċipazzjoni attiva: “Din hija opportunità biex flimkien nibnu qafas li jħares il-valuri demokratiċi tagħna. Nistennew bil-ħerqa l-kontribut ta’ kull min jemmen f’ġurnaliżmu fattwali, serju u integru bħala pilastru tas-soċjetà demokratika.”
Il-Gvern jistieden lill-pubbliku u lill-ġurnalisti sabiex jipparteċipaw b’mod attiv f’din il-konsultazzjoni. Il-proposti, il-ħsibijiet u l-osservazzjonijiet tagħhom se jkunu kruċjali biex flimkien nibnu qafas leġiżlattiv li jsaħħaħ id-demokrazija u jħares il-valuri fundamentali tal-libertà tal-kelma.
Il-pubbliku jista’ jissottometti l-fehmiet tiegħu sal-31 ta’ Ottubru fuq publicconsultation.gov.mt jew permezz ta’ email fuq [email protected].