Tuesday, May 14, 2024

“Il-gvern m’għandux jindaħal dwar id-drittijiet tal-abort”

Il-koppja Legend titkellem dwar it-trawma ta’ korriment u l-biża’ li jispiċċaw investigati

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

L-artist ta’ fama internazzjonali John Legend tkellem dwar id-drittijiet tal-abort fejn fost l-oħrajn qal li l-gvern m’għandux ikun involut fi “kwistjonijiet personali” bħal dawn.

Dan wara li sentejn ilu, il-mudella Chrissy Teigen, li hija mart l-artist, tilfet it-tarbija fl-20 ġimgħa ta’ tqala. Legend qal li hija offiża u fl-istess waqt diżgustanti li koppja li tgħaddi minn korriment bħal tagħhom tiġi mbeżża’ mir-riskju li tiġi investigata fuq abort.

Meta tkellmet waqt il-podcast The Axe Files tas-CNN, ospitat minn David Axelrod, il-mudella qalet li għandhom ikunu l-omm u t-tobba flimkien mal-qraba li jieħdu d-deċiżjonijiet relatati mat-tqala b’mod speċjali fejn jidħlu kumplikazzjonijiet.

Teigen spjegat dwar it-trawma li għaddew minnha mat-telfa tat-tarbija li kellha tingħata l-isem ta’ Jack. Żiedet tgħid li kienet imwerwra minħabba l-fatt li wara dak kollu li għaddew minnu, l-uġigħ u t-tbatija kollha li sofrew u d-dmugħ kollu li xerrdu, setgħu jispiċċaw investigati minħabba infurzar fil-liġi. 

Il-kummenti tagħhom jaslu hekk kif miljuni ta’ nisa fl-Istati Uniti qed jiffaċċjaw li jitilfu d-dritt kostituzzjonali tagħhom għall-abort. Nhar il-Ġimgħa, is-Senat ta’ Indiana ħa vot li witta t-triq biex isir l-ewwel stat fl-Istati Uniti li saħħaħ il-liġijiet tal-abort mis-sentenza maħruġa mill-Qorti Suprema fl-Istati Uniti fil-każ Roe v Wade lura fl-1973. 

L-abbozz, li jeħtieġ li jiġi ffirmat mill-gvernatur tal-istat biex tinħareġ il-liġi jkun ifisser projbizzjoni kważi totali tal-abort, b’eżenzjonijiet għal każijiet ta’ stupru u inċest. Madanakollu f’dan il-każ hemm limitu ta’ 10 ġimgħat tqala minħabba r-riskju fiżiku serju għall-omm u anormalitajiet fatali fil-fetu. 

L-amministrazzjoni tal-President Amerikan Joe Biden iddeskriviet id-deċiżjoni f’Indiana bħala devastanti. Fi stqarrija maħruġa s-Sibt, is-Segretarju għall-Istampa tal-White House Karine Jean-Pierre qalet li dan huwa pass radikali ieħor mil-leġiżlaturi Repubblikani biex ineħħu d-drittijiet u l-libertajiet riproduttivi tan-nisa, u jpoġġu deċiżjonijiet personali dwar il-kura tas-saħħa f’idejn il-politiċi aktar milli f’idejn dawk involuti.

Stati oħra huma wkoll mistennija li jżidu r-restrizzjonijiet fuq l-abort, filwaqt li oħrajn diġà ġeddu restrizzjonijiet li kienu fis-seħħ fil-passat. L-abort ilu kwistjoni ta’ firda fl-Istati Uniti għal ħafna snin, b’ħafna Repubblikani jimbuttaw għal limiti stretti, jew saħansitra projbizzjonijiet totali. Stħarriġ ippubblikat f’Ġunju minn NPR/PBS NewsHour/Marist sab li 56% tal-Amerikani kienu jopponu d-deċiżjoni tal-Qorti Suprema li tħassar is-sentenza kostituzzjonali magħrufa bħala Roe v Wade, filwaqt li 40% appoġġjawha. Fil-bidu ta’ Awwissu, l-istat konservattiv ta’ Kansas ivvota biex iħares id-dritt kostituzzjonali għall-abort.

Sport