Il-Gvern huwa determinat li jwettaq il-bidla li hemm bżonn sabiex ikun hemm qabża lejn kwalità ta’ valur miżjud fit-turiżmu, anke jekk in-numri diġà huma pożittivi. Dan se jkun qed jagħmlu bi proġetti bħalma huwa dak maħsub għall-Evans Building, fil-Belt Valletta.
Il-Prim Ministru Robert Abela stqarr dan f’kummenti li ta lil dan il-ġurnal hekk kif kien għadu jtemm id-diskors tiegħu fil-ftuħ tas-Summit Globali tal-World Travel & Tourism Council (WTTC) li bħalissa qiegħed jitlaqqa’ f’Malta.
Il-Prim Ministru qal li l-investiment fit-turiżmu huwa wieħed varju iżda l-komunità għandha tingħata prijorità assoluta biex ikun assigurat li ma jinħoloq ebda inkonvenjent għan-nies li jgħixu fil-gżejjer Maltin.
Huwa kompla jgħid li biex jinġiebu turisti ta’ valur miżjud, trid tagħtihom dak li jattirahom lejn pajjiżna. Irrimarka li dan il-pajjiż għandu ħafna x’joffri fosthom il-ġmiel naturali u l-ambjent li huwa mdawwar iżda dan mhumiex l-uniċi kriterji.
“L-attribwiti addizjonali nafuhom. Ċertu ditti, ċertu tip t’ospitalità filwaqt li għamilna passi ta’ ġgant il quddiem nemmen li għadna ma lħaqniex il-quċċata biex nagħmlu dik il-qabża li tħares lejha l-Viżjoni Malta 2050,” qal il-Prim Ministru.
Filwaqt li appella biex ma jsir ebda attentat li jista’ jnawwar l-investiment, il-Prim Ministru enfasizza li l-Gvern se jiddefendi l-proġetti turistiċi u se jimbuttahom ’il quddiem b’rispett u djalogu.
Intant, fid-diskors tiegħu waqt is-Summit Globali tal-WTTC, il-Prim Ministru nnota s-suċċess li qed jikseb pajjiżna fis-settur turistiku u qal li llum it-turisti qed ifittxu aktar esperjenzi awtentiċi u jiskopru aktar il-wirt kulturali u storiku ta’ dawn il-gżejjer.
Dr Abela fakkar ukoll li l-fenomenu tat-turiżmu nbidel drastikament u issa qed ikun mifrux fuq ix-xhur kollha tas-sena. Dan qiegħed ukoll ta’ vantaġġ għall-investituri kif ukoll il-ħaddiema fl-istess ħin.
Huwa temm jgħid li l-kwalità tal-ħajja għandha timxi id f’id mal-kwalità fit-turiżmu.
Min-naħa tiegħu, id-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Ian Borg tenna: “Li Malta tospita dan is-summit huwa sinjal ċar tal-ambizzjoni tagħna. Aħna pajjiż miftuħ għad-dinja. Miftuħ għal ideat u sħubijiet ġodda.”
Id-Deputat Prim Ministru qal li t-turiżmu ma jikkonsistix biss f’dak li noffru iżda wkoll mill-esperjenzi li noħolqu. Kien hawn fejn qal li Malta toffri l-pedamenti għal esperjenzi uniċi u distinti.
“Illum qegħdin hawn nitkellmu dwar il-futur. Ejja naħdmu flimkien biex nagħmluh innovattiv kemm jista’ jkun,” temm jgħid Dr Borg.
Is-summit kien indirizzat ukoll mill-Ministru għat-Turiżmu Jo Etienne Abela li qal li ninsabu hawn biex nisimgħu, niddiskutu, nippjanaw u nimplimentaw. Huwa qal ukoll li l-ekonomija Maltija għaddejja minn tkabbir qawwi, u l-istess jgħodd għas-settur turistiku tagħna.
Waqt li enfasizza fuq l-importanza tal-konnettività għal pajjiżna, il-Ministru Abela tenna li rridu wkoll inħarsu l-identità, il-karattru u l-valuri li jagħmluna uniċi. “Dan huwa kruċjali għas-suċċess fit-tul tas-settur turistiku tagħna.”
Is-Summit, li qed ilaqqa’ f’Malta aktar minn 1,000 delegat internazzjonali u 190 ġurnalist, se jkompli għada l-Ġimgħa b’diskussjonijiet dwar il-futur tal-ivvjaġġar u t-turiżmu.

