Monday, December 23, 2024

Il-Gvern se jappoġġja lill-membri ta’ Tribunal Industrijali li spiċċaw bi proċeduri personalment kontrihom

Aqra wkoll

Is-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali Andy Ellul saħaq li l-Gvern se jkun qed jagħti l-appoġġ lil membri ta’ Tribunal Industrijali li spiċċaw bi proċeduri personalment kontrihom wara deċiżjoni li ħadu fit-Tribunal.

F’konferenza tal-aħbarijiet li indirizza, is-Segretarju Parlamentari Ellul irrefera għal kawża li nfetħet mill-Union of Professional Educators (UPE) permezz tal-Avukati Jason Azzopardi u Therese Commodini Cachia fil-konfront tal-Avukat tal-Istat, id-Direttur Ġenerali għas-Servizzi Edukattivi, u d-Direttur tad-Dipartiment tax-Xogħol u r-Relazzjonijiet Industrijali. F’din il-kawża, qegħdin jiġu mfittxija wkoll b’mod personali ċ-Chairperson u żewġ membri li jpoġġu fuq l-istess Tribunal.

Is-Segretarju Parlamentari sostna l-Gvern qatt ma jista’ jaċċetta sitwazzjoni fejn membri li jservu lill-pajjiż jispiċċaw b’kawża personali kontrihom minħabba deċiżjoni li ħaddieħor ma jaqbilx magħha fuq il-mertu. “Dan huwa attakk inġust u sproporzjonat,” irrimarka Dr Ellul hu u jispjega kif il-Gvern se jappoġġja lit-tliet membri billi jkopri l-ispejjeż għall-assistenza legali.

“Ninnota li ċ-Chairperson tat-Tribunal minbarra li ġie riappuntat kemm-il darba taħt amministrazzjonijiet preċedenti, ilu 25 sena fil-kariga, u fil-każ inkwistjoni ma ġietx mitluba rikuża tiegħu qabel ittieħdet id-deċiżjoni mit-Tribunal. Fir-rigward tal-membri, irrid nisħaq li dawn jiġu nominati mill-korpi kostitwiti li jservu fuq l-MCESD. Waqt dawn il-proċeduri, l-ebda rappreżentant legali ma oġġezzjona għall-membri tat-Tribunal,” spjega Andy Ellul.

Ekonomija

Sport