Monday, April 29, 2024

“Il-Gvern se jippubblika l-inkjesta pubblika mal-mument li jirċeviha”

Il-Ministru Jonathan Attard jikkonferma li se jitlob ukoll għal dibattitu fl-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż minnufih

Aqra wkoll

Il-Gvern se jippubblika l-inkjesta pubblika dwar il-mewt ta’ Jean Paul Sofia mal-mument li jirċeviha. Dan filwaqt li se jitlob ukoll għal dibattitu minnufih fil-Parlament b’rabta mal-konklużjonijiet tal-istess inkjesta.

Ħabbar dan il-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni Jonathan Attard meta fil-Parlament kien qed iwieġeb mistoqsijiet li sarulu mill-Kap tal-Oppożizzjoni b’rabta mal-inkjesta Sofia.

Il-Ministru Attard fakkar ukoll kif skont it-termini ta’ referenza tal-inkjesta, li saru anke wara diskussjonijiet mal-familjari tal-vittma, ġie stabbilit il-fatt li lil hinn mid-dibattitu li se jintalab, fi żmien sena ssir diskussjoni oħra biex jingħata rendikont tal-progress li jkun sar fir-rigward tal-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet li joħorġu mill-istess inkjesta. B’dan il-mod, il-Parlament jerġa’ jiġi aġġornat fuq il-ħidma li tkun qed issir.

“Dan għaliex fl-aħħar mill-aħħar il-ħidma ma tiqafx biss mal-konklużjonijet ta’ inkjesti. Nafu l-ħidma li kienet għaddejja fl-aħħar snin fuq dan is-settur li għal snin twal kellu sitwazzjoni fejn ftit li xejn kien regolat fid-diversi aspetti tiegħu. Però fl-aħħar snin rajna li saru b’mod leġiżlattiv.”

“Fl-aħħar jiem ħabbart aktar inizjattivi leġiżlattivi biex nassiguraw li nkomplu nżidu l-istandard fis-settur tal-kostruzzjoni mhux biss fl-interess ta’ terzi imma fl-interess tal-ħaddiema numerużi li jaħdmu f’dan is-settur,” tenna jgħid il-Ministru Attard.

Sport