Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne informa lill-Parlament li din is-sena l-Gvern kien se jirdoppja l-ammont ta’ vaċċin għall-influwenza li se jixtri, minn 100,000 għal 200,000.
Huwa stqarr dan fil-Parlament għal mistoqsijiet tad-deputati kollegi min-naħa tal-Gvern Jean Claude Micallef u Ian Castaldi Paris.
Fearne beda biex spjega kif fil-perjodu Ottubru-April ikollna l-imxija tal-influwenza u peress li l-virus jinbidel xi ftit jew wisq ikun hawn bżonn vaċċin kull sena peress li dak tas-snin preċedenti ma jkunx neċessarjament jaqbel.
Huwa semma kif sa ftit tas-snin ilu l-vaċċin kien jingħata lil ċertu kategoriji fosthom nies li jaħdmu fil-qasam tas-saħħa, dawk li jaħdmu f’istituzzjonijiet u anke residenti, tfal, anzjani u persuni li jbatu minn mard kroniku.
Fearne fakkar kif fl-aħħar tliet snin it-tilqima ingħatat liċ-ċittadini kollha bl-aħħar sentejn juru li mill-100,000 doża li xtara l-Gvern kienu bejn 85,000 u 90,000 li ħaduha.
Kien f’dan l-istadju tad-diskors tiegħu li huwa semma kif din is-sena qed niffaċċjaw ukoll il-Covid19 u għalhekk jista’ jkun hemm periklu jekk iż-żewġ infezzjonijiet jaqbdu lil persuna fl-istess ħin.
Waqt li esprima x-xewqa li jkun hawn aktar nies li jitlaqqmu kontra l-influwenza, Fearne spjega kif il-Gvern kien se jirdoppja l-ordni għad-doża minn 100,000 għal 200,000.
Fearne semma wkoll kif wara li l-Gvern żied it-tilqim b’xejn u issa jagħtihom fuq 15-il marda, fil-ġimgħat li ġejjin se jintroduċi s-‘six-in-one’ biex tieħu post il-‘five-in-one’ u dik tal-hepatitis li kienu jingħataw għalihom u b’dan il-mod it-trabi se jiffrankaw tliet tingiżiet.