L-Ambaxxatur Daniel Azzopardi, li preżentament hu r-Rappreżentant Permanenti għall-Unjoni Ewropea, se jkun nominat biex ikun l-Ambaxxatur Malti għar-Renju ta’ Spanja. Ir-relazzjonijiet bejn Malta u Spanja kienu msaħħa b’mod sinifikanti fl-aħħar snin.
L-Ambaxxatur Vanni Xuereb, li qabel kien imexxi l-Malta-EU Steering Action Committee u li preżentament jokkupa l-kariga ta’ Ambaxxatur Malti għar-Renju ta’ Spanja se jkun nominat biex ikunu l-Ambaxxatur Malti fil-Ġermanja.
L-Ambaxxatur Marlene Bonnici li preżentament hi l-Ambaxatur Malti għall-Ġermanja u li serviet bħala r-Rappreżentant Permanenti għall-Unjoni Ewropea bejn l-2012 u l-2018, se tkun qed tirritorna għall-irwol li okkupat hija qabel, dak ta’ Rappeżentant Permanenti għall-Unjoni Ewropea fi Brussell. L-Ambaxxatur Bonnici hija waħda mill-aktar diplomatiċi Maltin li għadha sservi fil-Korp Diplomatiku Malti. Hija okkupat karigi għolja bħala uffiċjal pubbliku u serviet anke bħala Segretarju Permanenti fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru.
B’referenza għal artikli f’ċerti mezzi tax-xandir, il-Gvern itenni li hi prassi li jkun hemm rotazzjoni tal-ambaxxaturi, l-iktar meta jkun hemm amministrazzjoni ġdida. Il-Gvern ta’ Malta jirringrazzja lit-tliet ambaxxaturi tax-xogħol tajjeb ħafna tagħhom, tal-kontribuzzjoni li jagħtu u tal-impenn li juru.