“Il-gwerra fl-Iran se tħalli ovvjament effetti fuq l-ekonomija globali, inkluż Malta. Kemm se jkunu kbar dawn l-effetti jiddependi ħafna kemm se ddum din il-gwerra.” Iddikjara dan Silvan Mifsud, Konsulent Finanzjarju u Viċi President tal-Kamra tal-Kummerċ, f’kummenti ma’ L-Orizzont.

Huwa spjega li l-ewwel effett immedjat huwa l-effett dirett taż-żieda fil-prezz taż-żejt u l-gas LPG li jħalli impatt fuq il-prezzijiet tal-enerġija u fjuwils. Qal li hawn Malta dan l-effett primarju se jiġi milqugħ mill-politika tal-Gvern li jissussidja il-prezzijiet tal-enerġija u fjuwils. “Dan aktarx li jista’ jfisser li jekk il-gwerra titwal, il-Gvern ikollu jonfoq aktar f’sussidji mill-fondi pubbliċi.
“Hemm ukoll l-effetti li jiġu miż-żieda fil-prezzijiet tas-shipping minħabba li r-rotot tat-tbaħħir għall-Mediterran twalu għax il-vapuri qed ikollhom ibaħħru mal-kontinent Afrikan kollu, minflok jgħaddu mill-Baħar l-Aħmar u l-Kanal ta’ Suez, barra li l-istess vapuri jkollhom jħallsu aktar għall-fjuwil tal-istess vapuri,” qal Mifsud.
Barra minn hekk, huwa żied jgħid li hemm ukoll l-impatt mill-inflazzjoni fuq ikel impurtat u materiji prima li Malta timporta minħabba żidiet fl-enerġija u spejjeż oħra li ġejjin mill-pajjiżi li minnhom nixtru.
“Dan kollu jista’ jkollu impatt ta’ spejjeż akbar u aktar tul ta’ żmien sabiex jaslu Malta ċerti materji primi għas-setturi tal-manifattura fost l-oħrajn.
“Jista’ wkoll ikun hemm impatt fuq is-settur turistiku fejn ċertu turisti “long haul,” li kienu jgħaddu mill-ajruporti tal-Golf Għarbi, jagħżlu li ma jiġux Malta u jista’ jkun ukoll li ċertu turisti mill-Ewropa jonqsilhom ’l hekk msejjaħ disposable income minħabba spejjeż ogħla għall-ikel u għall-enerġija f’pajjiżhom, u allura jew jagħżlu li ma jmorrux vaganza jew li jonfqu anqas meta jsiefru.
“Effetti oħra jistgħu jkunu relatati ma’ posponimenti ta’ investimenti sakemm din it-turbulenza tgħaddi li taffetwa s-settur finanzjarju, fost oħrajn. Fuq kollox, dan ifisser li ma’ kull gurnata li ddum il-gwerra hemm dejjem ċansijiet akbar li l-ekonomija Maltija tgħaddi minn żmien ta’ inflazzjoni ogħla minn dak li kien mistenni qabel ma bdiet din il-gwerra,” temm jgħid Silvan Mifsud.

