Saturday, December 14, 2024

Il-gwerra fl-Ukrajna: Kyiv milquta b’attakk bi drone

Aqra wkoll

Ir-Russja wettqet attakk ieħor permezz ta’ drone matul il-lejl ta’ bejn is-Sibt u l-Ħadd, din id-darba fuq il-kapitali tal-Ukrajna Kyiv, liema attakk minn tal-inqas ħalla persuna waħda mejta.

Is-Sindku ta’ Kyiv Vitaliy Klitschko qal li raġel miet meta fdalijiet ta’ drone waqgħu biswit pompa tal-petrol. Uffiċjali lokali qegħdin jgħidu li mara oħra weġġgħet f’dan l-attakk.

Il-Forza tal-Ajru tal-Ukrajna qalet li b’mod ġenerali, ir-Russja wettqet rekord ta’ 54 hekk imsejħa ‘kamikaze drones’, iżda rnexxielhom iwaqqgħu 52 minnhom. F’Kyiv biss, aktar minn 40 drone twaqqgħu, skont l-istess uffiċjali.

Ir-Russja – li bdiet bl-invażjoni tagħha fl-Ukrajna fi Frar 2022 – fl-aħħar ġimgħat żiedet l-attakki tagħha fuq Kyiv, u qiegħda tfittex li tegħleb id-difiżi li hemm f’din il-belt.

Aktar kmieni l-Ħadd, instemgħu twissijiet ta’ air raid fi 12-il reġjun tal-Ukrajna, minn Volyn fil-majjistral sa Dnipropetrovsk fix-Xlokk.

F’post fuq il-midja soċjali, Klitschko ħeġġeġ lir-residenti ta’ Kyiv sabiex “jibqgħu fix-xelters”, filwaqt li wissa dwar diversi attakki bid-drones u biex ilestu ruħhom għal lejl ieħor “diffiċli”.

Huwa qal li minn tal-inqas żewġ binjiet għoljin f’distretti differenti tal-kapitali kienu ħadu n-nar wara li ntlaqtu minn biċċiet ta’ drone li waqgħu. Uffiċjali ta’ Kyiv irrappurtaw ukoll li l-imħażen fid-distrett tan-Nofsinhar ta’ Holosiyivsky kienu nħarqu.

Ekonomija

Sport