Thursday, December 26, 2024

Il-gwerra fl-Ukrajna tispikka fil-laqgħa tal-Grupp Arraiolos f’Malta

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Malta ospitat is-17-il laqgħa Informali tal-Kapijiet ta’ Stat mhux eżekuttivi tal-Unjoni Ewropea, magħrufa bħala l-‘Grupp Arraiolos’. Preżenti għal din il-laqgħa, minbarra l-President ta’ Malta George Vella, kien hemm il-Presidenti tal-Ġermanja, l-Italja, l-Estonja, l-Irlanda, il-Greċja, il-Latvja, l-Ungerija, il-Polonja, il-Portugall, is-Slovenja u għall-ewwel darba ngħaqdet magħhom il-President tas-Slovakkja, Zuzana Čaputová.

Il-laqgħa f’Malta kkonstiet f’żewġ sessjonijiet ta’ sagħtejn il-waħda filwaqt li fi tmiem it-tieni sessjoni saret konferenza stampa konġunta mill-kapijiet tal-istat kollha f’Dar il-Mediterran għall-Konferenzi, il-Belt Valletta. Tema ewlenija li ddominat il-laqgħat kienet il-gwerra fl-Ukrajna u l-konsegwenzi mifruxa li ġabet magħha fuq il-pajjiżi rispettivi u l-komunità internazzjonali.

Fl-indirizz tiegħu, il-President ta’ Malta George Vella tkellem dwar l-iżviluppi inkwetanti fil-viċinat immedjat ta’ Malta fid-dawl tal-gwerra mhux ġustifikata u mhux skużabbli fl-Ukrajna mir-Russja. “Enfasizzajna l-ħtieġa li l-komunità internazzjonali żżomm dawn l-iżviluppi fuq l-aġenda tagħha,” qal il-President.

Huwa qal ukoll li kienet diskussa l-kwistjoni tal-migrazzjoni irregolari fir-rotta ċentrali tal-Mediterran fejn reġa’ tenna s-sejħa tiegħu biex is-solidarjetà ma’ dawk il-pajjiżi li l-aktar huma affetwati, titpoġġa fil-prattika. 

Huwa qal ukoll li waqt it-tieni sessjoni ddiskutew modi ta’ kif jisgħu u għandhom jitnaqqsu d-disparitajiet u l-inġustizzji soċjali. “Sħaqt dwar l-importanza ta’ żviluppi effettivi, ir-rwol tan-nisa u ż-żgħażagħ biex ikun żgurat aċċess għall-bżonnijiet bażiċi bħall-ikel, is-saħħa, l-edukazzjoni, il-mobilità u l-enerġija.”

“F’dan il-kuntest saret referenza għall-kuraġġ u d-determinazzjoni li qed juru n-nisa fl-Iran li qed jiġġieldu kontra r-ripressjoni sabiex jiksbu drittijiet bażiċi u libertajiet fundamentali.”

Il-President Vella temm jgħid li jinsab ċert li t-tħassib u l-proposti li ġew skambjati f’dawn il-laqgħat, ikkontribwew ħafna biex jifhmu l-pożizzjonijiet u l-perspettivi ta’ xulxin.

Ekonomija

Sport