Friday, December 13, 2024

Il-gwerra ġewwa l-Ukrajna żiedet il-mogħdrija tal-popli għar-refuġjati

Aqra wkoll

Stħarriġ ippubblikat mill-kumpanija Ipsos, proprju ftit biss qabel il-jum dinji ddedikat għar-refuġjati, juri l-maġġoranza assoluta tan-nies jaqblu li persuni li jkunu kostretti li jitilqu minn pajjiżhom minħabba gwerer u persekuzzjonijiet jiġu milqugħin f’pajjiżi oħrajn anke fil-pajjiż tagħhom stess. L-istħarriġ sar fost 28 pajjiż u juri li 78% taċ-ċittadini jaqblu filwaqt li 16% ma jaqblux. 

Punt interessanti li joħroġ minn dan l-istudju huwa li minn sena ’l hawn il-persentaġġ ta’ nies li huma favur żdied sostanzjalment u dan jindika li l-kunflitt ġewwa l-Ukrajna wassal biex iktar nies ikunu favur li refuġjati jingħataw kenn f’pajjiżhom u naqqas it-tħassib li kien iġġenerat mill-pandemija tal-Covid-19. 

Dan is-sondaġġ sar online bejn it-22 ta’ April u s-6 ta’ Mejju li għadda u fih ipparteċipaw 20,505 persuna ta’ età taħt l-74 sena. Mis-sondaġġ ħareġ li l-iktar pajjiżi li jaqblu li r-refuġjati għandhom jingħataw kenn f’pajjiż ieħor huma l-Iżvezja bi 88%, il-Brazil b’86% u l-Polonja b’85%. Il-pajjiżi li rreġistraw l-inqas persentaġġ kienu l-Korea t’Isfel b’61%, il-Malażja b’64% u it-Turkija b’66%.

L-isfond ta’ dan l-istħarriġ kien hekk kif illum il-ġurnata hemm iktar minn 100 miljun persuna li ġew sfurzati li jitilqu minn pajjiżhom, bl-iktar każijiet riċenti jkunu kawża tal-kunflitt ġewwa l-Ukrajna. 

Meta mistoqsija dwar l-effetti tat-tibdil fil-klima u l-persuni li bħalissa – anke fil-futur – se jkollhom jitilqu minn pajjiżhom minħabba diżastri naturali, 55% jaq­blu li dawn jingħataw kenn f’pajjiżi oħrajn filwaqt li wieħed minn kull seba’ persuni (14%) huma kontra. 

Meta niġu għal refuġjati minħabba karatteristiċi per­sonali l-livelli ta’ appoġġ murija fis-sondaġġ kienu baxxi. Minn dawk intervis­tati tnejn minn kull ħamsa (41%) jaqblu li persuni għandhom jingħataw refuġju f’pajjiżhom jekk ikunu ppersegwitati minħabba razza, etniċità jew nazzjonalità (19% jopponu). Tnejn minn kull ħamsa (38%) jaqblu jekk persuni jkunu ppersegwitati minħabba ġeneru, orjentazzoni sesswali u identità tal-ġeneru (23% jopponu). Terz (35%) huma favur li persuni jingħataw kenn minħabba l-opinjoni politika tagħhom (24% jopponu).

Tnejn minn kull ħamsa (40%) ta’ dawk intervistati qalu li fl-aħħar 12-il xahar ħadu xi forma ta’ azzjoni biex jagħtu għajnuna lir-refuġati – ħafna minnhom għall-ewwel darba u kważi nofshom kienu motivati mill-gwerra ġewwa l-Ukrajna. L-iktar li ħadu inizjattiva kienu ċ-ċittadini Pollakki (72%) hekk kif pajjiżhom qiegħed jilqa’ numru kbir ta’ refuġjati Ukreni. 

Il-pajjiżi li ħadu sehem f’dan is-sondaġġ kienu l-Awtralja, il-Brazil, il-Kanada, iċ-Ċina, Franza, il-Ġermanja, ir-Renju Unit, l-Italja, il-Ġappun, Spanja, u l-Istati Uniti l-Arġentina, il-Belġju, iċ-Ċilì, il-Kolumbja, l-Ungerija, l-Indja, il-Malażja, il-Messiku, l-Olanda, il-Perù, il-Polonja, l-Arabja Sawdija, l-Afrika t’Isfel, il-Korea t’Isfel, l-Iżvejza, l-Iżvizzera u t-Turkija. 

Ekonomija

Sport