Monday, June 2, 2025

Il-gwerra kienet terribbli allavolja konna Għawdex… niftakar mara tintradam taħt it-terrapien

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Konna familja kbira. Dak iż-żmien il-familji kollha kienu jkunu kbar. Konna għaxart aħwa. Kollha għadni niftakarhom allavolja ħafna minnhom mejtin. Pawlina, Onesto, Romaldo, Adelaide, Joseph, Alfred, Dorothy, Amalia, Emanuel, u jien.  Missieri kien twieled il-Birgu. Ommi ma niftakarx, fejn twieldet”, tgħidilna Mary. 

Mary, li għadha sa llum tirreċita t-talba tar-rużarju kuljum kif dejjem għamlu fil-familja tagħha sa mit-twelid, għadha ukoll tħaddem tajjeb ħafna il-lingwa Maltija. 

Nibqa’ niftakar l-ikel li konna niklu

Mary Dalton, li issa ilha sa mis-snin sittin tgħix fl-Istati Uniti, meta intervistata minn IT-TORĊA, qaltilna li “niftakar l-ikel. Id-dundjan. Konna niklu it-tiġieġ. Ħut. Ma jonqosx l-istuffat tal-fenek.  Konna nieklu ukoll il-bċieċen – kienu jkunu tajbin ħafna.  Jien għalija imma l-favoriti jibqgħu il-pastizzi u l-kannoli.  Hawnhekk għandna pastizzi u kannoli imma mhux tajbin bħal ta’ Malta. 

It-tfulija kienet differenti totalment… kien hemm id-dixxiplina

“Jekk ikolli nqabbel il-ħajja fit-trobbija ta’ llum ma’ ta’ dak iż-żmien ngħid li hemm differenzi. Fi żmienna kien hemm is-sikkatura. Trid taqta’ bi snienek. Trid tmidd idejk.  Magħna kienu jużaw dixxiplina kbira, kemm id-dar u anke fl-iskola u postijiet oħra. Illum dik spiċċat. Illum lanqas biss tista’ tmisshom it-tfal. Id-dixxiplina spiċċat”. 

Fil-gwerra konna refuġjati f’Għawdex….niftakar

mara li ndifnet taħt it-terrapien ta’ darha wara attakk

Mary, ma jonqosx li titkellem magħna fuq il-gwerra u dak li tiftakar. Minħabba li kienu jgħixu fl-inħawi tal-Port il-Kbir, eżattament fil-Furjana, kellhom jiġu rilokati lejn il-gżira Għawdxija.  Filfatt huma marru jgħixu r-Rabat Għawdex. “Niftakar kienu qalulna li Għawdex se nkunu siguri. Kien hemm inqas attakki minn Malta, imma f’Għawdex saru attakki ukoll.  Niftakar kienu bnew xelter taħt it-triq u għamilna qisu sentejn ngħixu fix-xelter.  Ħajja diffiċli kienet, lanqas tojlit ma kien ikun hemm fix-xelter. Bombi intefgħu ukoll fuq Għawdex. Kien żmien fejn l-ikel kien skars ħafna. Kienu għamlu dik li kienu jseħulha l-Victory Kitchen. Biex nieħdu l-ikel konna nistennew fi kjuwijiet twal. Kont tista’ tieħu darba biss fil-ġurnata. Konna nżommu platt f’idejna. L-ikel ma tantx kienx xi ħaġa li jissodisfak, imma ovvja kien aħjar milli tibqa’ bix-xejn. L-ikel li konna ningħataw kien ftit fażola b’xi meraq u ħobż.  Laħam ma kienx ikun hemm. Wara sentejna erġajna rritornajna lejn Malta.”

Il-gwerra kienet terribbli….konna nisimgħu l-bombi neżlin

“Il-gwerra kienet terribbli. Konna nisimgħu l-bombi neżlin. Tal-biża’. Qabel kull attakk kienu jdoqqu s-sireni u ninżlu niġru fix-xelter.  Fix-xelter ommi dejjem kienet tkun magħna. Ħajjitna kienet fid-dar fejn konna ngħixu u fix-xelter. Niftakar li kien sar attakk ftit bogħod minn fejn konna ngħixu. Il-post sar borġ ġebel. Fih inqabdet mara u kienet mietet taħt it-tifrik. Niftakar anki darba ġie iz-ziju Leo u rrakkuntalna kif kien ħelsiha minn attakk, għax ħarbu fil-ħin.” 

Kien hemm regolamenti stretti marbutin mar-refuġjati

Mary ma tonqosx li ssemmi li kien hemm regolamenti stretti fejn jidħlu ir-refuġjati, għax ovvjament apparti r-refuġjati minn Malta li telgħu Għawdex, kien hemm oħrajn li ntbagħtu fi rħula oħra lbogħod mill-inħawi tal-Port il-Kbir. 

Dawn ir-regolamenti b’rabta mar-refuġjati kienu inħarġu fis-7 ta’ Ġunju tas-sena 1940. Kienu jgħidu hekk: 

“Barra minn Ħal Far, Kalafrana u Ħal Luqa f’kull raħal f’Malta se jitwaqqaf ċentru għar-refuġjati. Il-kelma ‘raħal’ f’dawn ir-regolamenti tfisser raħal ġewwa d-distretti hekk imsemmijin u tfisser ukoll Wied il-Għajn. L-indirizz ta’ dan iċ-ċentru ikun avżat bil-miktub barra l-Għassa tal-Pulizija f’kull raħal bħal dan. Kull refuġjat li jidħol f’raħal għandu minnufih jirrapporta ruħu fiċ-ċentru qabel ma’ jitlob biex ikollu fejn joqgħod. Dan ir-regolament ma jgħoddx għal dawk ir-refuġjati li jkunu laħqu irranġaw fejn għandhom joqogħdu qabel ma jidħlu fir-raħal. L-uffiċjal inkarigat minn kull ċentru jista’ jibqgħat lil refuġjat f’kull dar li tkun fejn ikun hemm wisa’ biżżejjed jew jista’ fejn skont ma jidhirlu ma jkunx hemm wisa biżżejjed f’dak ir-raħal, jordna lil refuġjat jitlaq mir-raħal.”

Ir-regolamenti kienu jgħidu ukoll li “meta refuġjat ma jobdix l-ordni biex jitlaq minn raħal, l-ufficjal inkarigat miċ-ċentru jista’ jmur għand l-uffiċjal tal-Pulizija biex ineħħi  u dan l-uffiċjal tal-Pulizija  għandu s-setgħa bis-saħħa ta’ dawn ir-regolamenti li jneħħi, dan ir-refuġjat minn dan ir-raħal. Kull refuġjat b’saħħtu li jkun milqugħ f’bini meħud mill-Gvern għall-użu tar-refuġjati għandu joqgħod għal kull ordni xierqa li jagħtuh u jagħmel dak ix-xogħol li skont ma jixraq ikun ordnat mill-uffiċjal inkarigat miċ-ċentru għal dik li hi sanità jew għat-tmexxija sħiħa ta’ bini bħal dan u kull refuġjat bħal dan  li ma jobdix din l-ordni jew direzzjoni jista’ jitkeċċa mill-Pulizija.”

Ir-regolamenti kienu qalu ukoll li “kull refuġjat f’post ta’ kenn għall-attakki mill-ajru għandu joqgħod għal ordnijiet mogħtija u jagħmel kull xogħol ordnat minn kull spettur sanitarju awtorizzat li skont ir-raġuni għandu x’aqsam mal-kundizzjoni sanitarja ta’ dan il-post tal-kenn.  Il-Kummissarju tal-Pulizija jista’ jaħtar persuna, li soltu tkun qiegħda tuża post pubbliku tal-kenn jew biċċa mill-post tal-kenn, bħala gwardjan tal-post tal-kenn u kull persuna li tkun qiegħda tuża dan il-post tal-kenn għandha toqgħod għal kull ordni xiierqa mogħtija minn dan il-gwardjan għal dik li hi tmexxija tajba ta’ dan il-post ta’ kenn. Il-Pulizija hi awtorizzata, wara li tiġi mitluba minn spettur sanitarju jew gwardjan, li tkeċċi minn post tal-kenn f’kull ħin barra milli fil-ħinjiet tal-attakki mill-ajru, kull refuġjat li ma jobdix dawn id-direzzjonijiet jew ordnijiet u li tneħħi kull sodda firma jew kull ħaġa oħra li l-persuna mkeċċija tkun daħħlet fil-post tal-kenn.”

Ir-regolamenti kienu jgħidu ukoll li “kull refuġjat i jinsab li qiegħed barra t-triq għandu wara li jiġi mitlub minn uffiċjal tal-Pulizija, jgħarraf f’liema raħal jixtieq imur joqgħod. Meta skont il-fehma ta’ dan l-uffiċjal tal-Pulizija ikun hemm wisa’ għal dan ir-refuġjat, fir-raħal imsemmi minnu, dan ir-refuġjat għandu jagħmel skont ma jgħidlu dan l-uffiċjal tal-Pulzija biex jasal f’dan ir-raħal.  Meta ma jkunx hemm wisa għal dan ir-refuġjat fir-raħal imsemmi minnu l-ewwel darba, dan ir-refuġjat għandu jerġa’ jagħżel sakemm isemmi raħal fejn skont ma jidhirlu dan l-ufficjal tla-Pulizija, hemm biżżejjed wisa’ għalih u r-refuġjat għandu jitlaq għal dak ir-raħal kif ikun ordnat.  Meta dan ir-refuġjat ma jkunx irid jagħżel, l-uffiċjal tal-Pulizija jista’ jekk ikun hemm bżonn u b’mezz ta’ forza xierqa,  iġiegħek lil dan ir-refuġjat jitlaq għal raħal fejn, skont ma jidhirlu, hemm biżżejjed wisa’ għalih.”

Kienu jgħidu ukoll li “bil-kunsens tal-Gvernatur, jista’ jinħatar f’raħal uffiċjal tal-Protezzjoni u kull uffiċjal bħal dan,  fejn f’xi post ma’ hemmx skont il-fehma tiegħu post tal-kenn biżżejjed kontra l-attakki mill-ajru, jekk  ma jkunx hemm art pubblika xierqa jew bini disponibbli u jkun irruftat l-użu ta’ art privata jew bini l-aktar addattati, jista’ jirrekwiżizzjona kull art privata jew bini jew biċċa minn bini għall-kostruzzjoni ta’ post ta’ kenn għall-attakki mill-ajru jew biex jirranġa ruħu bħala post tal-kenn.  Hu jista’ iġiegħel lil kull persuna li għandha l-għodod adattati biex tislifhom  għall-iskop ta’ dina l-kostruzzjoni. Meta  hu wara li jitlob lil dawk li jgħammru ħdejn din l-art jew bini, ma jistax isib xi ħaddiema jew ħaddiema biżżejjed voluntieri għall-bini ta’ dan il-post ta’ kenn jew biex jirranġawh, hu jista’ jġiegħel lil kull raġel b’saħħtu  jew lil xi irġiel b’saħħithom bejn is-16 u l-50 sena li jgħammru f’raġġ ta’ kwart ta’ mil ta’ din l-art, sabiex jaħdmu fil-bini ta’ dan il-post tal-kenn skont l-ordnijiet tiegħu”

“Ebda persuna li jkollha l-Ordnijiet Sagri jew li tkun impjegata jew f’servizz mal-militar jew mal-gvern ma tista’ tkun imġiegħla taħdem u lanqas ebda pesuna oħra ma’ tista’ tkun imġiegħla taħdem iżjed minn sagħtejn f’ġurnata waħda. Dan l-uffiċjal jista’ jirrekwiżizzjona meta jitlob u ma jagħtuhx trab jew ġebel, jew żwiemel jew karettuni għat-trasport tagħhom, li huma meħtiġin għall-bini ta’ dan il-post ta’ kenn. Iżda ebda rekwiżizzjoni bħal din m’għandha tikkaġuna taħlit ta’ ebda dar għat-tagħmir tan-nies u għandu jingħata avviz fi żmien xieraq ta’ kull rekwizizzjoni oħra biex is-sid ikun jista’ jindokra l-interess tal-bhejjem meħtiġin.”

Ir-regolamenti jgħidu ukoll li “l-Uffiċjal  tal-Protezzjoni ikollu is-setgħa fejn hemm nuqqas ta’ xi oġġetti essenziali fid-distrett tiegħu, li jordna lil kull ħanut f’dak id-distrett biex jibqa’ miftuħ għal żmien xieraq kuljum. Meta dan in-nuqqas ikun minħabba li ma jkunx hemm ħażniet biżżejjed f’dak id-distrett, l-uffiċjal għandu jgħarraf b’din il-ħaġa minnufih lill-Kontrollur tal-Ikel”

“L-Uffiċjal  jew kull persuna awtorizzat minnu jista’ jidħol f’dar jew bini fil-ħinijiet kollha  u jitlob kull informazzjoni dwar kull ħażna ta’ oġġetti li jkun hemm.”  Dawn ir-regolamenti kienu  iffirmati mil-Logutenent Gvernatur E. St J Jackson. 

Ikompli fil-ħarġa li jmiss

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport