Sunday, December 22, 2024

IL-GWERRA, L-INFLAZZJONI U R-RATI T’INTERESS

Aqra wkoll

Il-ġimgħa li għaddiet ltqajt m’ekonomista ħabib tiegħi. Bħalma jiġri dejjem, id-diskors waqa’ fuq l-affarijiet kurrenti, u l-fatt li l-Bank Ċentrali Ewropew għadu kemm għolla r-rati t’interess. “Ara naqa r-rati t’interess għandhomx xi effett fuq il-prezz tal-gass, li huwa l-aktar ħaġa li qed twassal biex l-għoli tal-ħajja jkompli tiela’ l fuq”, qalli dan il-ħabib. Ngħiduha kif inhi – għandu naqra raġun jgħid hekk. 

F’ċirkostanzi bħal dawn, biex l-inflazzjoni titrażżan, aktar mir-rati t’interess u politika monetarja, hemm bżonn li x-xokk estern (f’dan il-każ, il-prezz tal-enerġija) jiġi indirizzat. Il-Gvern Malti dan ilu jagħmlu numru ta’ xhur bis-sussidju ta’ dawn il-prezzijiet. Mhux l-istess nistgħu ngħidu għal pajjiżi oħrajn, għalkemm il-Prim Ministru ġdida Liz Truss ħabbret li r-Renju Unit ser jibda jagħmel l-istess.

“L-aktar ħaġa li hemm bżonn, hija li tispiċċa l-gwerra mill-aktar fis possibbli”, kompla jgħidli sieħbi, qabel komplejna fi triqitna. Ma stajtx ma naqbilx miegħu meta qal li hemm bżonn li l-gwerra tieqaf minnufih. Madanakollu, għalkemm il-gwerra hemm bżonn tiġi fi tmiemha, ma jkun xejn għaqli li tiġi fi tmiemha mbilli l-Unjoni Ewropea tieqaf tgħin lill-Ukranja, inkella billi tneħħi s-sanzjonijiet kollha fuq ir-Russja.

Is-sanzjonijiet fuq ir-Russja, speċjalment dawk li jitrattaw ma’ materja militari u industrijali (li r-Russja għandha bżonn biex tkompli għaddejja bil-gwerra fl-Ukranja), huma bżonjużi mmens. Hekk jew b’hekk fis-seklu 21 m’għandu jkun qatt aċċettabbli li pajjiż jinvadi lil ieħor għax id-deċiżjonijiet ta’ dak il-pajjiż ma’ jogħġbuhx. Wara kollox kull stat huwa sovran. Meta ssib min jgħidlek li Putin kellu raġun jinvadi lill-Ukranja, għax din iddeċidiet li tħares lejn il-Punent, kważi iġġib għajnejk wara widnejk. Allura bl-istess argument, l-istess setgħu jagħmlu pajjiżi oħrajn lilna, meta Malta ddeċidiet li tidħol fl-UE? Ovvjament li le.

Forsi però li l-inflazzjoni qed tagħmel tagħha, u li qed tagħfas bwiet in-nies, u allura ssib min jgħidlek “le xbin … l-ewwel inħares lejn niesi imbagħad lejn ħaddieħor”. Madanakollu allura x’tagħmel? Tħalli lil Putin jagħmel li jrid ħalli ngħixu f’sitwazzjoni fejn inkunu nistgħu nixtru gass Russu bl-irħis? Nerġa ngħid: żgur li le.

Jiena nifhem lil dawk li jgħidu li l-UE żbaljat meta iddependiet fuq ir-Russja għall-enerġija. Għandhom raġun jgħidu hekk. Biss l-iżball kien li niddependu fuq ir-Russja, u mhux li naġixxu kontra r-Russja bis-sanzjonijiet meta din attakkat lill-Ukranja u kissret il-liġi internazzjonali.

Issa però, hemm bżonn li dawk l-iżbalji li wassluna s’hawn, jiġu indirizzati u l-effetti tagħhom mitigati. Filwaqt li l-għajnuna lill-Ukreni għanda tibqa’ tingħata, daqstant ieħor għandu jkun hemm sussidji mill-gvernijiet Ewropej fuq il-prezzijiet tal-enerġija (bħalma qed isir f’Malta), biex l-effetti inflazzjonarji jingħataw daqqa l-isfel. Ir-rati t’interess, filwaqt li veru tradizzjonalment jintużaw biex inaqqsu l-inflazzjoni, ftit ser ikollhom effett fuq id-domanda għall-enerġija. Għaldaqstant, hemm dubju kemm ser ikollhom l-effett mixtieq f’dan il-kuntest.

Ekonomija

Sport