Saturday, December 21, 2024

“Il-gwerra ta’ Putin turina kemm hi urġenti l-indipendenza Ewropea fl-enerġija” – Carmel Cacopardo

Aqra wkoll

“Hemm bżonn li l-isfida tat-tibdil fil-klima tingħata l-importanza li jistħoqqilha. Din hi emerġenza globali, u minkejja ċ-ċokon tagħna, pajjiżna għandu l-obbligi internazzjonali li jrażżan l-emissjonijiet sabiex it-temperatura globali ma tiżdiedx b’aktar minn 1.5°C. Pajjiżna huwa semi-aridu u t-tibdil fil-klima jista’ jikkawża desertifikazzjoni b’konsegwenzi katastrofiċi fuq il-biedja u l-ħajja tagħna. Diversi nħawi jistgħu jispiċċaw mgħerrqa hekk kif il-livell tal-baħar jogħla,” dan qalu d-Deputat Chairperson u kandidat ta’ ADPD – The Green Party fuq it-8 u d-9 distrett elettorali, Mark Zerafa, waqt konferenza stampal-Imsida.

“It-tir li pajjiżna jsir carbon neutral malajr kemm jista’ jkun jista’ jintlaħaq, ladarba ninpenjaw rwieħna li nagħmlu użu minn sorsi ta’ enerġija rinovabbli. Sabiex jintlaħaq dan il-għan, l-emissjonijiet iridu jonqsu b’aktar minn nofs sas-sena 2030. Il-miri tal-gvern ta’ 19% huma baxxi wisq u juru li l-gvern ma għandux ir-rieda li jieħu l-problema tal-klima bis-serjetà.”

“Hemm bżonn varjetà ta’ sorsi enerġetiċi, imma l-ewwelnett hemm bżonn rieda qawwija fl-effiċjenza fl-użu tal-enerġija. Pannelli foto-voltajċi għandhom installati fuq binjiet pubblici, fabbriki u bini kummerċjali ieħor – l-ispazji kollha għandhom jintużaw. Il-bini ġdid għandu jkun carbon neutral billi jiġġenera l-enerġija kollha li jeħtieġ inkluż bl-installazzjoni ta’ solar water heater. Hemm bżonn li ma nkomplux nibnu fil-għoli, għaliex dan jista’ jċaħħad lill-pannelli fuq il-bjut mid-dawl tax-xemx. Għandna ngħinu lil sidien ta’ appartamenti sabiex jinstallaw pannelli fuq il-bjut, flimkien ma’ sieden oħra ta’ appartamenti fl-istess binja. Hemm bżonn li jsir investiment f’turbini tar-riħ fuq wiċċ il-baħar filwaqt li ninstallaw mikro-turbini f’żoni industrijali. Hemm bżonn ukoll li ssir riċerka fuq enerġija mill-mewġ tal-baħar. Kull skart organiku għandu jiġi trattat biex jinbidel fi fuel. L-enerġija li nimportaw permezz tal-interconnector għandha tkun enerġija nadifa minn sorsi rinovabbli. L-ekonomija kollha tagħna għandha tkun carbon neutral u għaldaqstant banek u kumpaniji ta’ assikurazzjoni għandhom juru kif biħsiebhom u bil-fatti jsiru carbon neutral sas-sena 2050 filwaqt li kull sussidju li jingħata għandu jkun marbut ma’ obbligu li jitnaqssu l-emissjonijiet.”

“Filwaqt li dawn il-miżuri jġibu magħhom sfidi, ukoll joħolqulna opportunitajiet – ta’ futur aktar sostenibbli; ta’ impjiegi ġodda, kif ukoll joffru garanzija ta’ enerġija kontinwa li ma tiddependix fuq  inċertezzi li jġibu magħhom ċirkostanzi lilhinn minn xtutna. Is-sanzjonijiet fuq ir-Russja jistgħu iwasslu għal skarsezza ta’ fuel. Enerġija li ma tiddependix fuq il-ħruq ta’ fuels fossili tagħtina s-serħan tal-moħħ li neħtieġu.”

Iċ-Chairperson ta’ ADPD – The Green Party u kandidat fuq ir-4 u d-9 distrett, Carmel Cacopardo qal li huwa importanti li jkollna l-akbar ammont ta’ enerġija, nadifa u rinovabbli, ġenerata lokalment, u l-bqija mill-gird tal-Unjoni Ewropea, anke minħabba s-sigurtà ta’ pajjina.

Carmel Cacopardo irrefera għad-diskussjoni fil-Parlament Ewropew tat-8 ta’ Marzu dwar l-indipendenza enerġetika tal-UE, u l-komunikazzjoni uffiċċjali tal-Kummissjoni Ewropea ‘Azzjoni Ewropea konġunta għal enerġija aktar affordabbli, sigura u sostenibbli’.

“Il-gwerra ta’ Putin turina kemm hi urġenti l-indipendenza Ewropea fl-enerġija. Aħna lkoll affettwati mill-gwerra, u l-gwerra ta’ Putin turi li kwestjonijiet geo-politiċi għandhom effett negattiv kbir. Ma nista ma nesprimix is-solidarjeta mal-poplu Ukren li spiċċa fin-nofs ta’ gwerra qerrieda. Mhux sigur, u mhux fl-interess tal-paċi li l-UE u Malta, permezz tal-power station taċ-Ċiniżi u l-gass tal-Ażerbajġan, iżda anke l-enerġija mill-interconnector iġġenerata minn gass Russu (40% tal-gass użat l-Italja huwa Russu) – jibqgħu dipendenti fuq mexxejja despotiċi u awtokratiċi. Ningħaqdu mal-appell tal-Ħodor fil-Parlament Ewropew u ninsistu l-i l-Kummissjoni Ewropea tgħaġġel il-proċess tal-bidla lejn enerġija mija fil-mija rinovabbli. Qed nitilfu ħin prezzjuż.”

“Il-gwerra ta’ Putin qed turi biċ-ċar li żmien il-gass bħala fuel ta’ tranżizzjoni għadda u l-insistenza fuq il-gass hija żball enormi. Anke l-periklu tan-nukleari issa huwa aktar u aktar ċar. L-UE għandha tibbaża l-ekonomija fuq enerġia rinovabbli. Studji juru li dan huwa u qed isir dejjem aktar possibbli. M’għandhiex ħin x’naħlu.”

Ekonomija

Sport