L-impjegati tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma (WSC) mistennija jirċievu titjib sostanzjali fil-pagi, fl-opportunitajiet biex javvanzaw fil-karriera u fl-iżvilupp professjonali tagħhom permezz tal-iffirmar ta’ ftehim kollettiv ġdid mal-General Workers’ Union. Investiment ta’ aktar minn €36 miljun matul is-sitt snin li ġejjin.

Il-ftehim, iffirmat fil-preżenza tal-Ministru għall-Ambjent u l-Enerġija Miriam Dalli, jimmarka pass importanti fl-impenn kontinwu tal-Korporazzjoni li tirrikonoxxi u tippremja lill-impjegati tagħha, li għandhom rwol essenzjali biex iwasslu s-servizzi tal-ilma u tad-drenaġġ fid-djar u fin-negozji madwar Malta u Għawdex.
“Dan il-ftehim kollettiv jirrifletti l-impenn tal-Gvern u tal-Korporazzjoni għat-tisħiħ tas-servizz pubbliku permezz ta’ investiment fin-nies. Billi nipprijoritizzaw l-iżvilupp u ninvestu fil-ħaddiema tagħna, qed nibnu Korporazzjoni aktar b’saħħitha li ġġib riżultati aħjar għall-pajjiż,” qalet il-Ministru Dalli.
Dan il-ftehim iġib miegħu titjib sinifikanti għall-ħaddiema tal-Korporazzjoni, inkluż salarji aħjar, opportunitajiet biex wieħed javvanza fil-karriera tiegħu, u taħriġ annwali għal kull impjegat biex jilħaq livelli ogħla ta’ ħiliet u jimxi ’l quddiem fil-karriera tiegħu. Dan il-ftehim jintroduċi wkoll miżuri ġodda li jsaħħu l-istabbiltà tax-xogħol, inaqqsu ħaddiema milli jitilqu u jipprovdi opportunitajiet ta’ promozzjoni interna.

“Dan il-ftehim huwa xhieda ta’ dak li nemmnu fih li s-saħħa tal-Korporazzjoni tinsab fin-nies tagħha. Billi ninvestu fl-opportunitajiet, l-istabbiltà u l-benesseri tagħhom, qed niżguraw il-kontinwità tas-servizzi tagħna u nlestu l-Korporazzjoni għall-isfidi u l-opportunitajiet li ġejjin. L-impjegati tagħna huma fiċ-ċentru ta’ dak kollu li nagħmlu, u dan il-ftehim jagħtihom l-għarfien u l-għodod li jixirqilhom biex ikomplu jwasslu servizz ta’ eċċellenza,” qal il-Kap Eżekuttiv tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, Karl Cilia.
“Il-General Workers’ Union hija sodisfatta bil-Ftehim Kollettiv, li jkopri madwar 900 impjegat tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma. Il-Ftehim Kollettiv jinvolvi investiment ta’ €36 miljun, kemm fil-kundizzjonijiet tax-xogħol kif ukoll fis-salarji. Barra minn hekk, jistabbilixxi viżjoni għall-ġejjieni għall-istaff tal-Korporazzjoni għat-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ,” qal Josef Bugeja, Segretarju Ġenerali tal-General Workers’ Union.
Il-ftehim ġie ffirmat minn Karl Cilia, Kap Eżekuttiv tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma; Joseph Vella, Chairman tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma; Kendrick Bondin, Segretarju tat-Taqsima Saħħa, Gvern u Entitajiet Pubbliċi tal-GWU; ir-rappreżentanti tal-GWU Mark Mckay, Mildred Mifsud, Colin Ferriggi u Richard Vella; u Mario Grixti, Deputat Kap tar-Relazzjonijiet Industrijali fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru.

