Saturday, December 21, 2024

Il-GWU bi ftehim kollettiv għall-ħaddiema tal-Aġenzija għar-Reġistrazzjoni tal-Artijiet

Aqra wkoll

Minn Claudio Coleiro

Aktar kmieni llum, il-General Workers’ Union iffirmat l-ewwel ftehim kollettiv għall-ħaddiema tal-Aġenzija għar-Reġistrazzjoni tal-Artijiet. Permezz ta’ dan il-ftehim, li jkopri l-perjodu 2020-2024, il-ħaddiema se jkunu qed jibbenefikaw minn żidiet fis-salarju u titjib fil-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom fost benefiċċji oħrajn. 

Il-ftehim kollettiv f’isem il-ħaddiema ġie ffirmat mis-Segretarju tat-Taqsima GWU Gvern u Entitajiet Pubbliċi Kendrick Bondin, l-Assistent Segretarju tal-istess Taqsima George Zahra u mix-Shop Steward Christopher Galea. F’isem l-Aġenzija ffirmaw il-Kap Eżekuttiv Charles Attard u s-Senior Manager tal-Finanzi u l-HR Mary Rose Mifsud. Preżenti għall-iffirmar tal-ftehim kien hemm ukoll il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi Byron Camilleri u s-Segretarju Parlamentari għaċ-Ċittadinanza u l-Komunitajiet Alex Muscat.

YouTube video

F’kummenti lil Inewsmalta, is-Segretarju Kendrick Bondin esprima s-sodisfazzjon tiegħu għall-iffirmar ta’ dan il-ftehim kollettiv li huwa l-ewwel wieħed tax-xorta tiegħu għal din l-aġenzija li twaqqfet is-sena li għaddiet.

“Dan il-ftehim se jissalvagwardja d-drittijiet tal-ħaddiema u anke jispeċifika d-dmirijiet tagħhom. Kien hemm negozjati amikevoli u professjonali, bit-taħditiet jissoktaw ukoll f’dan il-perjodu tal-Covid-19,” qal Bondin li żied jgħid li l-pass li jmiss huwa dak li l-ħaddiema jkomplu jkomplu jkunu protetti u javvanzaw fil-karrieri rispettivi tagħhom.

YouTube video

Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija għar-Reġistrazzjoni tal-Artijiet Charles Attard sostna li dan il-ftehim kien importanti ħafna biex tkun regolarizzata r-relazzjoni bejn l-aġenzija u l-impjegati tagħha. Huwa esprima wkoll is-sodisfazzjon tiegħu għall-mod kif saru t-taħditiet bejn l-istess aġenzija u l-GWU, li wasslu biex dan il-ftehim jiġi konkluż fi żmien qasir.

F’kummenti li tana l-Ministru Byron Camilleri, qal li bħala Gvern għandna l-obbligu lejn il-ħaddiema li mhux biss jingħataw l-aħjar kundizzjonijiet tax-xogħol imma jkunu kuntenti u sodisfatti li jmorru fuq il-post tax-xogħol tagħhom.

YouTube video

Huwa enfasizza li dan il-ftehim huwa wieħed minn sensiela ta’ ftehimiet kollettivi li qed jiġu nnegozjati, uħud minnhom anke flimkien mal-GWU, biex naraw li jkollna aktar ħaddiema sodisfatti b’kundizzjonijiet li jixirqilhom fuq il-postijiet tax-xogħol tagħhom. 

Ekonomija

Sport