Sunday, December 22, 2024

Il-GWU bi lment quddiem l-Ombudsman dwar is-sick leave fis-Servizz Pubbliku

Aqra wkoll

It-Taqsima Gvern u Entitajiet Pubbliċi fi ħdan il-General Workers’ Union ressqet quddiem l-Ombudsman ilment dwar il-qtugħ tal-leave tal-mard fis-Servizz Pubbliku fejn sostniet ukoll li l-metodoloġija użata tista’ tkun żbaljata u qed tiġi applikata b’mod differenti skont il-pożizzjoni tal-ħaddiema.

Il-GWU ressqet l-ilment tagħha wara li bagħtet diversi korrispondenzi u laqgħat mal-People and Standards Division (P&SD) b’danakollu qatt ma ngħatat spjegazzjoni jew kjarifika u lanqas ma ttieħdet azzjoni sabiex it-talbiet tal-GWU jiġu indirizzati.

Fl-ilment tagħha lill-Ombudsman, it-Taqsima rreferiet għas-sistema tal-leave tal-mard li jħaddem is-Servizz Pubbliku. Il-Unjin irrimarkat ukoll li tezisti nuqqas ta’ ugwajanza fl-implimentazzjoni tal-PSMC mal-ħaddiema kollha tas-Servizz Pubbliku; nuqqas fil-metodoloġija fil-proċedura tas-sick leave; nuqqas ta’ rispett għall-Avviż Legali 247 tl-2023 u kif ukoll li hi, bħala trejd unjin qed tiġi injorata.

It-Taqsima sostniet ukoll li matul is-snin, uħud mill-Ministeri kellhom proċedura tas-sick leave li kienet differenti minn dak li huwa stipulat fl-artiklu 3.2.3 tal-PSMC. Is-sistema mħaddma kienet waħda fluwida skont il-pożizzjoni tal-ħaddiema.

Fl-ewwel u t-tieni kwart ta’ din is-sena, dawn il-Ministeri bdew jaddottaw l-istess proċedura kif dettata mill-PSMC għal xi wħud mill-ħaddiema li jiffurmaw parti mill-ministeri tagħhom, hekk kif ġie kkonfermat minnhom stess.

Il-GWU kienet talbet kjarifiki permezz ta’ e-mails mibgħuta lill-People and Standards Division (P&SD), fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru (OPM) rigward diversi fatturi relatati mas-sick leave wara li din is-sitwazzjoni ġiet imressqa lilha minn diversi membri.

Għaldaqstant, it-Taqsima kellha tirrikorri għand l-Ombudsman u talbitu jinvestiga rigward dan is-suġġett u jagħmel rakkomandazzjonijiet dwar kif għandu jinqata’ s-sick leave jew jekk hemmx lok li jinbidel il-PSMC biex ma ssirx diskriminazzjoni kontra l-ħaddiema fis-Servizz Pubbliku.

Ekonomija

Sport