Friday, October 4, 2024

L-Iżrael ilesti għal offensiva qawwija fil-Medda ta’ Gaza

Aqra wkoll

Il-militar Iżraeljan stazzjona mijiet ta’ eluf ta’ truppi ħdejn il-fruntiera ta’ Gaża lesti biex jesegwixxu l-ordnijiet li jingħataw. Dan fil-possibiltà li l-Iżrael dalwaqt iniedi offensiva fuq l-art fil-Medda ta’ Gaża biex jiżgura li jkisser il-kapaċitajiet militari tal-Ħamas.

In-numru ta’ mwiet fl-Iżrael s’issa laħaq l-1,200, filwaqt li aktar minn 900 persuna Palestinjani nqatlu minn attakki mill-ajru Iżraeljani fuq Gaża. L-attakki Iżraeljani wasslu li l-unika power station ta’ Gaża se tispiċċa bla fjuwil fi ftit sigħat.

Aktar kmieni din il-ġimgħa, Iżrael ħabbar li kien assedja bis-sħiħ il-Medda ta’ Gaża bil-konsegwenza li l-provvisti tal-elettriku, il-fjuwil u ilma nqatgħu.

Sadanittant, inħarġu dettalji ta’ massakru f’raħal Iżraeljan fejn ġeneral Iżraeljan tkellem dwar trabi maqtula fil-benniena tagħhom. Suldati Iżraeljani qalu wkoll li xi wħud mill-mejtin fir-raħal instabu b’rashom maqtugħa.

Ilbieraħ, Iżrael qal li nstabu 1,500 katavru ta’ militanti tal-Ħamas fit-territorju Iżraeljan li nqatlu waqt l-attakki fatali tas-Sibt u qal ukoll li l-fruntiera mal-Medda ta’ Gaża kienet sigura. 18-il militant kienu nqatlu mill-qawwiet Iżraeljani matul il-jum tal-bieraħ. Dawn ġew deskritti bħala terroristi li ma laħqux ħarbu lura lejn Gaża.

Il-Ħamas huwa grupp ta’ militanti Palestinjan li jmexxi l-Medda ta’ Gaża. Dawn ħalfu li jeqirdu l-Iżrael u minflok jibnu stat Iżlamiku. Il-Ħamas iġġieled diversi gwerer ma’ Iżrael minn meta ħa l-poter f’Gaża fl-2007.

Bejn dawk il-gwerer, il-militanti tal-Ħamas sparaw eluf ta’ rokits u missili lejn Iżrael u wettqu attakki fatali oħra. L-Iżrael attakka wkoll kemm-il darba lill-Ħamas b’attakki mill-ajru, u flimkien mal-Eġittu kien imblokka l-Medda ta’ Gaża fl-2007 biex isaħħaħ is-sigurtà tiegħu.

Sport