Thursday, December 26, 2024

Il-GWU b’kisba importanti għall-impjegati fil-‘caring stream’

Aqra wkoll

L-awtoritajiet aċċettaw it-talba li saritilhom mill-GWU biex ħaddiema fil-qasam tal-‘caring stream’ jingħataw dak dovut lilhom.

Il-‘caring stream’ tirreferi għall-ħaddiema li jagħmlu xogħol relatat ma’ kura fil-qasam tas-saħħa u tal-anzjani. It-talba mressqa mill-GWU kienet tikkonċerna ħlasijiet f’arretrati li wettqu matul l-aħħar snin.

Il-GWU ġiet infurmata mill-awtoritajiet li l-arretrati fuq xogħol li sar fil-Ħdud u festi pubbliċi kif ukoll is-sahra se titħallas lill-impjegati li kienu jew qed jagħmlu xogħol kliniku. Fir-rigward ta’ dawk li se jkollhom jibdlu l-irwol tagħhom u se jaħdmu fil-qasam kliniku se jibbenefikaw minn ħlas fuq arretrati fuq il-paga bażika biss.

Il-GWU insistiet li l-ftehim preżenti, milħuq fl-2018, kellu jiġi rispettat anke fejn jidħlu sahra u allowances. Dwar din il-kwistjoni s-Segretarju tat-Taqsima GWU Gvern u Entitajiet Pubbliċi Kendrick Bondin dejjem saħaq li l-impjegati ma kellhomx isofru tnaqqis jew penali minħabba li l-implimentazzjoni tal-ftehim ħadet fit-tul. 

Kien għalhekk li f’isem il-GWU talab li l-impjegati jirċievu l-arretrati kollha dovuti inklużi s-sahra u l-allowances skont ir-rati stabbiliti fil-gradi tagħhom fid-data effettiva tal-ftehim. 

Bondin dejjem sostna li l-ħaddiem baqa’ jaqdi dmirijietu u jobdi l-ftehim u għalhekk kellu jgawdi wkoll minn kull dritt dovut lilu. Il-ħidma tiegħu u tal-GWU ħalliet il-frott tagħha u ntlaħaq il-ftehim mal-awtoritajiet dwar il-ħlas dovut lill-impjegati.

Ekonomija

Sport