Saturday, December 21, 2024

Il-GWU favur ir-riforma dwar l-aġenziji tax-xogħol

Aqra wkoll

Bħala trejd unjin, il-General Workers’ Union laqgħet din il-bidla legali radikali fil-liġijiet għall-impjiegi temporanji u l-aġenziji ta’ reklutaġġ, li bħalissa qed tiġi diskussa fil-Parlament

Il-GWU ilha tisħaq fuq ċerti kuntratturi li joffru servizzi ta’ ħaddiema u għalhekk tilqa’ u taqbel mal-leġiżlazzjoni ġdida li tħabbret u li se tidħol fis-seħħ mis-sena d-dieħla. Il-liġi li tgħid li l-aġenziji tax-xogħol kemm dawk tal-kuntrattur, kif ukoll dawk magħrufin aħjar bħala Temping Agencies għandhom bżonn liċenzja biex joperaw.

Din il-liġi ġdida tesiġi li persuna jista’ jkollha liċenzja waħda biss, speċifikament, jew għal reklutaġġ ta’ persuni għall-impjieg f’Malta jew barra minn Malta; jew sabiex tkun ta’ aġenzija ta’ xogħol temporanju jew ta’ aġenzija tal-outsourcing. Minn Jannar ħadd ma jista’ jaqbad u jġib il-ħaddiema u joffri servizzi ta’ temping/outsourcing. Kull aġenzija jrid ikollha competent person li jrid ikun Malti jew Ewropew u li g­ħandu esperjenza f’riżorsi umani.

Barra hekk daħlu diversi kriterji biex inkunu ċerti li kull persuna applikanta tkun tikkwalifika biex tinħarġilha liċenzja sabiex topera kwalunkwe aġenzija tal-impjieg jew negozju tal-impjieg.

B’dawn ir-regolamenti ġodda, l-awtoritajiet ikollhom viżibiltà ta’ dawn l-operaturi kollha fis-settur; jassiguraw li fil-pajjiż jiġu ħaddiema skont il-ħtieġa u li jiġi evitat l-abbuż fuq dawn il-ħaddiema. Aktar minn hekk, il-kumpaniji li ma jkollhomx jew jitilfu din il-liċenzja jiġu skwalifikati minn kuntratti pubbliċi u ma jkunux jistgħu jġibu ħaddiema minn pajjiżi terzi.

“Nittamaw li permezz ta’ din il-leġiżlazzjoni ġdida l-isfruttament fuq il-ħaddiema, speċjalment fuq il-ħaddiema barranin, jispiċċa. Aħna għandna bżonn il-ħaddiema barranin, li qed jgħinu fit-tkabbir ekonomiku iżda ħadd ma għandu jieħu vantaġġ mis-sistema u minn dawn il-ħaddiema,” qal is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja.

Tenna li bħalissa ninsabu f’sitwazzjoni fejn ħaddiema migranti jispiċċaw f’ċirku ta’ abbużi. Anke fil-każ ta’ ħaddiema Maltin li minflok ma jaħdmu mal-kumpaniji direttament, ikunu mħaddmin minn dawn l-aġenzija tax-xogħol, jispiċċaw sfruttati mill-aġenziji li jħaddmuhom. Ħaddiema li jkollhom joqogħdu għal sensiela ta’ abbużi, b’differenza mill-kollegi sħabhom li jkunu mqabbdin direttament mal-kumpaniji.

“Bħalma dejjem sħaqna fuq livell ugwali għall-operaturi f’dan is-settur issa nemmnu li wasal iż-żmien biex il-Gvern idaħħal ukoll il-prinċipju ta’ ħlas indaqs għal xogħol tal-istess valur. Hekk għandu jkun anke jekk verament inridu naraw il-ħaddiem jimxi ‘l quddiem. Il-ħlas tal-ħaddiem għandu jkun fuq il-valur ta’ xogħol biss.”

Permezz ta’ dan il-monitoraġġ kontinwu nemmnu li se jitjiebu l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema filwaqt li f’każ ta’ ħaddiema barranin, f’pajjiżna jiġu biss dawk il-ħaddiema li huma meħtieġa. Dan se jwassal għal iżjed kontroll u viżibilità fuq liema ħaddiema jiġu u wkoll f’liema setturi se jkunu qed jaħdmu.

Ekonomija

Sport