Wednesday, March 27, 2024

Il-GWU f’laqgħa mal-Gvern dwar il-ħaddiema bil-Covid

Aqra wkoll

Dan wara li impjegati pożittivi qed jiġu mġiegħla jaqilbu għal-leave tal-mard

Il-GWU qed tistenna r-reazzjoni tal-Gvern għal-laqgħa li ż-żewġ naħat kellhom fejn iddiskutew il-pressjoni li qed jagħmlu ċertu postijiet tax-xogħol fuq ħaddiema li nstabu pożittivi għall-Covid19.

Numru ta’ ħaddiema membri tal-GWU ġew infurmati minn min iħaddimhom li kienu se jinqalbu minn leave ta’ kwarantina għal leave tal-mard minkejja li n-notifika li jirċievu tgħid li huma jaqgħu taħt l-obbligi kollha tal-kwarantina inkluż il-multi u l-iżolament.

Il-liġi dwar il-kwarantina tgħid li l-impjegat għandu jingħata leave speċjali mingħajr telf ta’ paga meta huwa legalment obbligat li jirrispetta ordni ta’ kwarantina li tillimitah għal ċerta żona jew għal ċerti postijiet kif determinat mis-Supretendent tas-Saħħa Pubblika.

Minħabba t-tħassib fil-ħaddiema l-GWU talbet laqgħa urġenti mal-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru responsabbli mid-djalogu soċjali, Carmelo Abela, u ż-żewġ naħat iltaqgħu waqt żjara li għamlitlu delegazzjoni tal-unjin immexxija mis-Segretarju Ġenerali Josef Bugeja.

Waqt il-laqgħa, il-GWU mhux biss spjegatlu dak li kien qed iħasseb lill-membri tagħha imma anke pproponiet soluzzjoni ta’ kif din il-kwistjoni setgħet tiġi solvuta. Il-Ministru Abela wiegħed li jagħti risposta lill-unjin din il-ġimgħa stess.

Fil-jiem li għaddew il-GWU għamlitha ċara li mhux teskludi azzjonijiet industrijali fil-postijiet tax-xogħol li qed jippruvaw iġiegħlu lill-ħaddiema jaqgħu fuq leave tal-mard minflok dak ta’ kwarantina.

Ekonomija

Sport