Saturday, December 21, 2024

Il-GWU fost dawk li pproponew li jsir ċensiment dwar il-ħiliet

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

F’intervent li għamel waqt it-tnedija tad-dokument dwar il-politika nazzjonali dwar is-suq tax-xogħol, is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja semma li l-GWU kienet waħda mill-organizzazzjonijiet li pproponiet iċ-ċensiment dwar il-ħiliet biex jiġi magħruf l-industrija fejn sejra u xi bżonnijiet għandha u staqsa kif wara li jsir iċ-ċensiment u ssir analiżi tal-ħiliet, kif se jkunu implimentati l-miżuri meħtieġa. 

Qal li l-GWU għamlet surveys fost il-membri biex jgħidu fehmithom dwar it-taħriġ u qal li hafna ħaddiema kellhom l-impressjoni jiehdu t-taħriġ sempliċiment biex jimlew il-ġurnata u għalhekk dawn jistaqsu f’hiex se jissarraf it-taħriġ li jieħdu.

Semma wkoll kif il-ħaddiem m’għadux kuntent biss li għandu xogħol imma jrid karriera fejn ikompli jizviluppa u dan għax ma jridx li jqatta’ ħajtu kollha jagħmel l-istess xogħol.

Buġeja rrimarka wkoll li l-GWU taqbel li l-pensjoni tkun separata minn kull dħul ieħor jekk verament naqblu mal-kunċett ta’ anzjanità attiva. Dan ukoll biex ikunu inċentivati dawk il-pensjonanti li jixtiequ jibqgħu jaħdmu wara li jirtiraw.

Filwaqt li semma l-ħtieġa li l-edukazzjoni tkun effettiva qal li s-sistema edukattiv illum hija waħda individwali bl-istudenti jikkompetu biss biex jiġu l-ewwel jew jiġu qabel ħaddieħor. Dan jikkontrasta ħafna mad-dinja tax-xogħol fejn il-ħaddiema jaħdmu f’team work.

Għalhekk jeħtieġ li llum nimplimentaw il-miżuri li hemm bżonn biex fil-futur ma nsibux ruħna fis-sitwazzjoni li għandna llum.

Min-naħa tiegħu, il-President tal-GWU Victor Carachi stqarr li f’pajjiżna għandna rata għolja ta’ ħaddiema li m’għandhomx ħiliet u qal li jemmen illi dawk li jitilqu mill-iskola malli jibdew jaħdmu jibdew jiksbu l-ħiliet. B’danakollu ikun jonqos li jagħmlu korsijiet biex jiġu rikonoxxuti bħala nies tas-sengħa. 

Qal li s’issa għadna ma wasalniex f’dan l-istadju u għalhekk, l-iskejjel tas-snajja għandhom joffru tagħlim ta’ filgħaxija biex jibdew isiru dawk  magħrufa bħala ‘fast track courses’ biex dawn il-ħaddiema jiksbu l-ħiliet malajr.

Carachi esprima t-tama tiegħu li l-budget 2022 jinċentiva lill-pensjonanti biex jibqgħu jaħdmu mingħajr xkiel u mingħajr dewmien.

Emfasizza li ħafna mill-problemi attwali huma kaġun li ma konniex  ippreparati għalihom għaliex ma antiċipajnihomx u għalhekk mhux qed nippjanaw għat-tul. Issa wasal iż-żmien li pajjizna jibda jippjana għat-tul.

Semma wkoll li inqas minn 1% tal-impriżi żgħar qed jikbru u jsiru intrapriżi kbar u staqsa jistax ikun hemm xi forma ta’ għajnuna jew incentivi li jgħinu lill-kumpaniji jikbru.

Ekonomija

Sport