Thursday, December 26, 2024

Il-GWU issellem lil Malta Ħielsa fl-44 anniversarju 

Nirayl Grech
Nirayl Grech
Ġurnalista

Aqra wkoll

Il-General Workers Union sellmet lill-Malta Ħielsa, fl-44 anniversarju minn meta Malta ngħatat il-ħelsien mill-forzi militari barranin fil-31 ta’ Marzu tal-1979. 

Għaċ-ċerimonja li fiha tqegħdu fjuri fuq l-Għolja tal-Ħelsien fil-Birgu kienu preżenti s-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja, il-President Victor Carachi, id-Deputat Segretarju Ġenerali Kevin Camilleri, Segretarji ta’ taqsimiet varji u kif ukoll membri oħra.

F’messaġġ tal-okkażjoni, is-Segretarju Ġenerali Josef Bugeja qal li din il-ġurnata ser tibqa’ mnaqqxa fl-istorja soċjo-ekonomika ta’ pajjiżna. Semma’ li il-Partit Laburista flimkien mal-GWU bdew it-triq għall-ħelsien minn ħafna qabel. Irrimarka kif l-istess triq kienet dik li wasslet għall-Indipendenza, ir-Repubblika u aktar tard proprju għall-Ħelsien. Nhar it-28 ta’ April 1958 il-GWU sejħet strajk ġenerali biex tieqaf u taffronta l-arroganza ta’ Gvern Kolonjali li ried itellef l-għajxien lill-eluf ta’ ħaddiema Maltin.

Huwa semma wkoll li bħala union qegħdin jaħdmu sabiex itejbu il-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini permezz ta’ diversi riformi. “Bħala trade union nisħqu li ħadd ma jaqa’ u jgħix fil-faqar, ħadd ma jkun diskriminat, ħadd ma jkun sfruttat, ħadd ma jkun abbużat. Kulħadd għandu d-dritt għal xogħol diċenti, ħlas ugwali u ħajja tajba”, tenna Bugeja.

Filwaqt li sellem lil Malta ħielsa, Bugeja żied jgħid li fil-preżent il-ġlieda tal-ħelsien hija instigata mill-abbuż, mir-razziżmu, mill-intolleranza, mill-egoiżmu, mill-individwaliżmu, mir-regħba u mill-oppressjoni.

Ekonomija

Sport