Il-General Workers’ Union tinsab fl-aħħar fażijiet biex jiġu ffirmati Ftehim Kollettivi ma’ seba’ kumpaniji li jiffurmaw il-Malta Delivery Fleet Operators Association (MDFOA). Dan fl-istess waqt li hemm iktar kumpaniji li qed juru interess li jissieħbu fl-Assoċjazzjoni jew jibdew taħditiet individwali mal-GWU għall-istess għan.
Dan l-iżvilupp qed iseħħ wara li fil-jiem li għaddew ġie ffirmat Memorandum of Understanding (MoU) bejn il-GWU u l-Assoċjazzjoni, li se jistabbilixxi qafas ċar għall-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-couriers tal-ikel f’pajjiżna.
Fl-MoU hemm stipulat li sal-1 ta’ Jannar 2026, għandhom ikunu konklużi l-Ftehim Kollettivi mal-operaturi kollha membri tal-MDFOA, sabiex jiġu rregolati diversi kundizzjonijiet bħall-pagi bażiċi, il-ħinijiet tax-xogħol, il-ħlasijiet ta’ overtime, l-adozzjoni obbligatorja ta’ pagamenti mhux fi flus kontanti u s-sħubija tal-impjegati f’unjin.
Il-ftehim jagħmel ukoll ċar l-obbligu ta’ remunerazzjoni trasparenti li tinkludi salarju bażiku, overtime u bonuses statutorji. Dan il-ftehim huwa konformi direttament mal-Labour Migration Policy, li għandha l-għan li toħloq sistema ċara u responsabbli għall-impjiegi ta’ ħaddiema barranin f’Malta, b’kontroll f’idejn l-awtoritajiet Maltin.
Dawn il-Ftehim Kollettivi li se jestendu għas-sentejn li ġejjin se jibbenefikaw minnhom madwar 500 ħaddiem, ammont li jista’ jiżdied fix-xhur li ġejjin.
Għat-Taqsima Ospitalità u Ikel fi ħdan il-GWU dan l-aħħar żvilupp kien ifisser pass kbir ’il quddiem minħabba l-fatt li qed ikun assigurat li d-drittijiet ta’ dawn il-ħaddiema u l-kundizzjonijiet tagħhom jiġu mħarsa.
Is-Segretarju tat-Taqsima Kevin Abela, f’intervista ma’ din il-gazzetta, esprima s-sodisfazzjon tiegħu għall-fatt li l-GWU mhux biss irnexxielha tasal għal dan il-ftehim storiku, imma wkoll issa tinsab qrib li jiġu konklużi l-Ftehim Kollettivi mal-kumpaniji membri tal-Assoċjazzjoni.
Huwa stqarr li biex waslu s’hawn, kien hemm bżonn xhur ta’ ħidma. Qal li aktar kmieni din is-sena, l-unjin bdiet tirċievi bosta rapporti dwar allegat sfruttar u tnaqqis fil-pagi ta’ dawn il-ħaddiema. Meta semgħet l-ilmenti tagħhom, il-GWU rat li l-mod kif kienu qed jitħallsu kien kompletament differenti u mhux konformi mal-liġi.
“Ġiet tkellimni persuna li wrietni payslip ta’ €212. Ħsibt li dan l-ammont kien ta’ ġimgħa xogħol. Iżda qaltli li dak l-ammont kien ta’ xahar,” qal is-Segretarju Abela.
Huwa żied jgħid li bdew ikellmu anke lill-kumpaniji li jimpjegawhom u kellhom ukoll korrispondenza mal-Wolt u Bolt fost oħrajn. “Konna bgħatna emails lill-kumpaniji kollha li jekk mhux se jkunu konformi, se nibdew bl-azzjonijiet,” tenna Abela.
Sussegwentement, il-GWU kienet iltaqgħet mal-Assoċjazzjoni u minn hemm ’il quddiem beda l-proċess ta’ negozjar sakemm eventwalment waslu għall-iffirmar tal-MoU x-xahar li għadda. Qal li f’dan l-MoU hemm speċifikat li kull kumpanija li tifforma parti mill-assoċjazzjoni trid tasal għall-Ftehim Kollettiv u l-impjegati kollha tagħha jkunu f’unjin.
Kien hawn fejn ħabbar li jinsabu qrib li jiġu konklużi l-Ftehim Kollettivi ma’ dawn il-kumpaniji iżda għad fadal kumpaniji oħra li mhumiex membri fl-Assoċjazzjoni. Hawnhekk il-GWU qed titlob li jew jidħlu fl-Assoċjazzjoni jew inkella javviċinaw lill-unjin sabiex jiġi ffirmat il-Ftehim Kollettiv għall-ħaddiema tagħhom.
Qal li fost dawn il-ħaddiema hemm ċertu entużjażmu biex jibdew jaħdmu b’dawn il-kundizzjonijiet ġodda u rrikonoxxa li għalkemm it-triq kienet waħda twila, “inħoss li din hi kisba kbira għall-GWU, għalija personali imma fuq kollox għal dawn il-gruppi ta’ ħaddiema li nħoss li huma wisq sfruttati.”
Min-naħa tiegħu, id-Deputat Segretarju Ġenerali tal-GWU Kevin Camilleri kien iddeskriva dan l-iffirmar bħala wieħed storiku u li huwa turija ta’ kemm id-djalogu soċjali għadu rilevanti u b’saħħtu. “L-MoU huwa turija li fejn l-employers, it-trejdunjins, il-Gvern u l-imsieħba soċjali jaħdmu flimkien kapaċi jinkisbu r-riżultati,” tenna Camilleri.


